Lokali

Għall-ewwel darba f’Għawdex

Għall-ewwel darba minn meta sar Mexxej Laburista u Prim Ministru, Robert Abela żar il-gżira Għawdxija għal attività politika fir-Rabat u laqgħa mal-Kamra tal-Negozju għal Għawdex.

Fil-laqgħa mal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ġew diskussi diversi temi fosthom il-governanza u l-ħtiġijiet tal-gżira Għawdxija. Il-Kamra tenniet l-impenn tagħha li Għawdex ikollu mudell ta’ żvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ambjent, imsejjes fuq governanza soda u istituzzjonijiet b’saħħithom. Il-President tal-Kamra, Joseph Borg tenna l-kliem li kien qal fl-okkażżjoni ta’ għeluq l-għoxrin sena tal-Kamra, li l-governanza mibnija fuq linji ta’ trasparenza u etika hija neċessarja biex il-pajjiż kollu jimxi l-quddiem.

NET News kien preżenti f’Għawdex u staqsa dwar id-Deputat Mexxej Chris Cardona, fid-dawl tal-kummenti tiegħu li jrid jiffoka fuq karriera fil-Farmaċewtika, issa li ma ngħata l-ebda kariga fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Il-Prim Ministru wieġeb li s’issa Cardona għadu u se jibqa’ Debutat Mexxej u wieħed irid jara x’ser jiġri fil-futur.

Fid-dawl ta’ riformi li qal li se jagħmel fix-Xandir tal-Istat, staqsejna lill-Prim Ministru x’inhu t-tibdil drastiku li tkellem dwaru, iżda bqajna mingħajr dettalji hekk kif Robert Abela saħaq li d-dettalji ser joħorġu fiż-żmien li ġej għaliex bħalissa din m’hiex prijorità għall-Gvern.

Sadanittant, waqt l-attività politika fir-Rabat, spikka fost l-Għawdxin id-diżappunt għall-fatt li Anton Refalo baqa’ barra mill-pjanijiet tal-Prim Ministru u se jkollu jikkuntenta biss bil-backbench. U dan meta l-Mexxej Laburista insista li hu kburi bl-għażliet li għamel filwaqt li fuq kull naħa tiegħu kellu lill-Ministru Justyne Caruana u lill-Ministru Clint Camilleri li t-tnejn huma Għawdxin.

Fuq kollox Robert Abela rrepeta ħafna minn dak li qal fl-ewwel diskors tiegħu f’Kordin u reġa’ saħaq li l-Partit Laburista hu maqgħud, minkejja l-battibekki li ma jridu jaqgħu xejn bejn l-esponenti Laburisti fuq Facebook.

Dan fid-dell tal-iskumdità tal-kontestant l-ieħor, Chris Fearne, li minkejja li hu Deputat Prim Ministru jidher li għadu ma jistax jaċċetta li tilef il-ġlieda għal-Leadership Laburista. Robert Abela qal li wara t-tellieqa għal-Leadershi, l-għaqda ssaħħet.

Finalment, waqt id-diskors ta’ Robert Abela, ma naqsux ukoll għadd ta’ buzz words li mdorrijin nisimgħu mill-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat.