Futbol Sport

Gżira United jakkwistaw liż-żagħżugħ Dexter Xuereb

Gżira United baqgħu l-aktar tim attiv fis-suq tat-trasferimenti f’Jannar hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Dexter Xuereb mingħand Mosta. Il-Gżirjani għelbu l-konkorrenza ta’ Floriana li kienu interessati ferm f’Xuereb. Id-difensur laterali ta’ 22 sena kien se jispiċċalu l-kuntratt fi tmiem l-istaġun.

Xuereb għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier fl-istaġun 2014/15 b’apparenza żgħira kontra Birkirkara fil-bidu ta’ Jannar tal-2015. Fl-istaġun ta’ wara żied aktar minuti u fl-aħħar tliet staġuni u nofs kien plejer regolari fit-tim ta’ Mosta.

F’dan l-istaġun, Xuereb qed ikollu l-aħjar staġun fil-karriera. Hu żamm postu mal-ewwel ħdax tat-tim immexxi minn Mark Miller u saħansitra skorja tliet gowls fil-Kampjonat Premier, bi ġmiel ta’ gowl kontra Sliema Wanderers u żewġ gowls il-ġimgħa l-oħra kontra Gudja u free-kick kontra Tarxien Rainbows. Xuereb skorja gowl fl-FA Trophy kontra Rabat.

Dan hu l-ħames akkwist ta’ Gżira f’dan ix-xahar wara Wilfried Domoraud, Ryan Darmanin, Anthony Curmi u Marco Criaco, b’Jefferson de Assis iħalli l-klabb biex ikompli l-karriera f’Dubai ma’ Fujairah Sports Club.

FLORIANA – Jasal l-ewwel akkwist ta’ Floriana dan ix-xahar hekk kif tħabbar li Walmerson Garcia Praia se jingħaqad mat-tim ta’ Vincenzo Potenza. Praia li hu Brażiljan, għandu 26 sena u jilgħab mal-linja iżda kapaċi jilgħab f’nofs il-grawnd ukoll. Fil-karriera tiegħu hu lagħab fil-Brażil, fil-Ġappun u fl-Armenja.