Futbol Sport

Ħsara fis-sistema tad-dawl twassal għas-sospensjoni tal-logħba bejn Qormi u Vittoriosa Stars

QORMI ………………….. 0

VITTORIOSA S. ……… 0

(Logħba sospiża fit-48 minuta)

Qormi: J. Azzopardi, C. Farrugia, N. Borg, R. Santos Silva, A. Bustos, A. Abela, R. Mandic, L. Farrugia, A. Cassar, N. Ghio, G. Sammut.

Vittoriosa: D. Bugeja, C. Spiteri, J. Briffa, D. Grima, G. Sultana, L. De Oliveira Barbosa, A. Galea (J. Pace 28’), S. Grech (O. Guerrero 46’), K. Vella, R. Sgaria Farias, N. Mclaren (D. Tabone 46’).

Referee: Daniel Casha

Ħsara f’parti mill-impjant tad-dawl tal-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun, wasslet biex il-logħba bejn Vittoriosa u Qormi kienet sospiża ftit minuti wara li bdiet it-tieni taqsima. Minkejja diversi tentattivi mill-ħaddiema tal-istadium tal-Ħamrun, ir-referee Casha ma kellu triq oħra għajr li jissospendi l-logħba.

Fl-ewwel fażi tal-logħba kienu Qormi li bdew jiddettaw il-logħob, iżda kienu Vittoriosa li fallew l-ewwel ċans tal-logħba meta Dylan Grima spara għoli minn taħt il-lasta wara azzjoni ta’ Barbosa fuq ix-xellug.

Għall-kumplament tat-taqsima kienu l-Qriema li komplew jinsistu fl-attakk iżda d-difiża ta’ Vittoriosa qatta ma kienet f’periklu u kien biss lejn tmiem it-taqsima li l-gowlkiper ta’ Vittoriosa ħtieġlu jintervjeni biex salva daqqa ta’ ras ta’ Mandic minn azzjoni ta’ korner. Fit-tieni taqsima ftit laħaq seħħ, għajr il-ħsara fis-sistema tad-dawl, li spiċċat il-veru rebbieħa ta’ dan il-konfront.

Gowl ta’ Gilbert Martin jagħti rebħa prezzjuża lil Fgura

ŻEBBUĠ RANGERS ……………………… 0

FGURA UNITED ………………………….. 1

Żebbuġ: M. Grech, A. Azzopardi, D. Fava, R. Vella, S. Buhagiar, S. Nanapere (M. Fagbeja 70’), C. Brincat, N. Ojuola, J. Farrugia (W. Borg 59’), G. Gesualdi (S. Darmanin 43’), L. Chiedozie

Fgura: B. Bartolo, J. Stenson, J. Barbara, G. Martin (S. Abela 67’), O. Mifsud, C. Gandini, J. Vella, G. Ferreira de Souza (D. Cartella 74’), S. Borg, A. Toncheff, G. Galea (T. Grech 82’)

Referee: Ezekiel Barbara

Fgura kisbu t-tielet rebħa tal-istaġun biex b’hekk inqalgħu minn qiegħ il-klassifika, grazzi għal gowl verament tajjeb ta’ Gilbert Martin fl-ewwel taqsima u grazzi wkoll għall-gowlkiper Bartolo li salva penalty fl-aħħar fażi tal-logħba. L-ewwel taqsima kienet verament kwieta u nieqsa minn azzjonaijiet perikolużi, b’ħafna logħob f’nofs il-geawnd u biż-żewġ gowlkipers li prattikament ma kinux impenjati.

Żebbuġ kellhom xi ftit iktar inizjattiva iżda Fgura kienu iktar diretti u preċiżi fil-kontrattakki tagħhom u kien f’wieħed minn dawn il-kontrattakki veloċi li huma fetħu l-iskor. Kien pass fit-tul mid-difiża lejn GILBERT MARTIN li għadda lil Gesualdi, qabeż anki lill-gowlkipers avversarju u minkejja li ġġenneb xi ftit, irnexxielu xorta waħda jixħet il-ballun fix-xibka.

Żebbuġ kellhom reazzjoni mmedjata b’xutt sabiħ ta’ Chiedozie li kien salvat b’diffikultà minn Bartolo, u fl-aħħar sekondi tat-taqsima Dion Fava ħelisha ħafif b’karta safra biss meta waqqaf lil Ferreira li kien dieħel tajjeb fil-kaxxa.

Fis-57 minuta l-ewwel periklu ta’ Żebbuġ fit-tieni taqsima meta free-kick ta’ Shaun Darmanin kien salvat b’diffikultà minn Bartolo li f’din l-azzjoni kien ukoll mgħejjun mill-mimduda. Żebbuġ attakkaw għal ħinijiet twal fit-tieni taqsima u fl-aħħar ħinijiet assedjaw lill-avversarji li ddefendew bi ħġarhom il-vantaġġ prezzjuż. Fis-86 minuta xutt ta’ Samuel Buhagiar ħabat ma’ id Jake Stenson bir-referee jordna l-penalty, iżda mill-11-il metru x-xutt fil-babaxx ta’ Randall Vella kien salvat bi bravura minn Bartolo.