Lokali

Il-Kummissarju għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament biex din l-istituzzjoni terġa’ tgawdi mill-fiduċja

Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis ma jaghtux serhan il-mohh ghal governanza tajba

“Il-Partit Nazzjonalista u s-socjetà ċivili ilhom sentejn jinsistu li l-Kummissarju tal-Pulizija kellu jirriżenja, għax kien pupazz f’idejn il-Gvern Laburista. Issa li rriżenja u telaq, l-Kummissarju l-ġdid għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament, kif ippropona l-PN, biex l-istituzzjoni tal-Korp tal-Pulizija jerġa’ jgawdi mill-fiduċja.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Dr Delia qal li kieku l-Kummissarju rriżenja qabel setgħu jiġu evitati x-xkiel u ostakli għall-ġustizzja biex insibu l-verità. Dan meta ma kienx lest li jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità fil-Gvern. Huwa qal li l-inkompetenza tal-Kummissarju tal-Pulizija ħarġet aktar ċara wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan mix-xhieda fil-Qorti fejn sirna nafu b’nuqqas kbir fl-investigazzjonijiet fil-konfront tal-eks Chief of Staff Keith Schembri. Dr Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela issa għandu, mingħajr ma jkaxkar saqajh, iwettaq il-proposta tal-PN li l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tinnota d-decizjoni tal-Prim Ministru li jaħtar grupp għall-governanza. Huwa qal li ma nistgħux nagħmlu kumitati bl-istess nies li jridu jagħmlu skrutinju tagħhom infushom. Dan meta Owen Bonnici, li kien il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzj, u l-Ministru Edward Zammit Lewis li kienu madwar l-istess mejda tad-deċiżjonjiet ma’ Joseph Muscat. Adrian Delia qal li għandu jkun hawn proċess konsultattiv wiesa’ kif issir il-governanza tajba u l-PN jinsab dispost li jpoġġi għal-mejda tad-diskussjoni biex ikun hawn parteċipazzjoni wiesa’ fosthom tal-Oppożizzjoni stess, tan-nisa u oqsma oħra tas-soċjetà.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li issa rridu nibnu mill-ġdid u nsaħħu d-demokrazija u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dan ma jistax isir mill-Gvern jew l-Oppożizzjoni biss u għalhekk għandna npoġġu lkoll flimkien biex isir it-tibdil kollu meħtieġ inkluż dak Kostituzzjonali biex insewwu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jkollna politika aħjar fejn inħabbtu l-ideat u nużaw il-politika sabiex intejbu l-ħajja tan-nies. Adrian Delia qal li kien għalhekk li l-PN ħareġ bid-dokument Riforma u Tiġdid bi 15-il proposta konkreta għall-governanza tajba.