Lokali

Karkariż akkużat b’serq minn ħanut u lukanda

Raġel ta’ 30 sena minn Birkirkara tressaq il-Qorti akkużat b’serq fost l-oħrajn minn ħanut u minn lukanda fil-Gżira, f’okkażjonijiet separati.

Sean Farrugia kien arrestat il-Ġimgħa u tressaq is-Sibt, akkużat li allegatament seraq 420 ewro mill-ħanut Istanbul Kebab House fil-Gżira wara li wettaq hold-up armat b’sikkina.

Farrugia kien akkużat ukoll li fis-6 ta’ Jannar kien wettaq serqa oħra, meta kmieni filgħodu kien daħal fil-lukanda BluBay fil-Gżira wkoll, hedded impjegat b’sikkina u ħarab mill-post b’madwar 650 ewro fi flus kontanti.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li kien reċidiv.

Farugia wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, iżda nżamm taħt arrest wara li ma saritx talba għall-libertà proviżorja.

L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Colin Sheldon mexxew il-Prosekuzzjoni.