Futbol Sport

L-ebda ħjiel ta’ derby f’rebħa kbira ta’ Hibernians

Rapport: George Cassar

TARXIEN RAINBOWS……….. 0

HIBERNIANS……………………. 4

Tarxien: R. Briffa, B. Muscat, T. Veronese, M. Tabone, D. Mambouana, D. Zerafa, G. Camilleri (K. Attard 78’), P. Kanzurov, J. Tenorio (M. Ciantar 31’), S. Shaba (N. Portelli 38’), A. Andrejic

Hibernians: M. Jovicic, J. Wemmer, G. Izquier (M. Beerman 52’), A. Agius, F. Apap, D. Vella (A. Attard 78’), B. Kristensen, J. Grech, J. Mbong (T. Tabone Desira 68’), J. Degabriele, I. Iriberri

Imwissi: P. Kanzurov 67’ (T)

Skorjaw: I. Iriberri 2’, 17’, J. Grech 42’, J. Degabriele 75’ (H)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Edward Spiteri, James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Imanol Iriberri (Hibernians)

Jekk xi darba kienet teżisti rivalità bejn Hibernians u Tarxien Rainbows, żgur li ma dehritx fil-konfront ta’ bejniethom tal-bieraħ, hekk kif it-tim minn Raħal Ġdid iddomina mill-bidu sal-aħħar. Tal-Pagun skurjaw erba’ darbiet u setgħu anki skurjaw iktar hekk kif ma sabux reżistenza mir-Rainbows u sal-ewwel kwarta l-partita kienet diġà magħluqa.

B’dan ir-riżultat Hibernians issa daħlu fit-tmien logħba mingħajr telfa filwaqt li Tarxien baqgħu b’punt wieħed biss. Għall-Pawlisti spikkaw l-iktar Jake Grech u Jurgen Degabriele li għenu lil Imanol Iriberri jiskorja doppjetta qabel ma huma stess niżżlu isimhom fost l-iskorers. Fuq in-naħa l-oħra ħadd mill-plejers ta’ Tarxien ma qam għall-okkażjoni fejn id-difiża tat wisq spazju lill-attakkanti Pawlisti filwaqt li d-dipartiment ta’ nofs il-grawnd kważi kien ineżistenti.

Il-partita m setgħetx tibda agħar għal Tarxien hekk kif wara żewġ minuti Jake Grech għadda b’mod veloċi minn qalb id-difiża avversarja u fetaħ lejn l-iżmarkat Imanol IRIBERRI li għadda l-ballun minn taħt saqajn l-eks Rudi Briffa u ta vantaġġ bikri lill-Pawlisti. Wara ftit iktar minn kwarta logħob, Hibernians irduppjaw meta wara inizjattiva oħra ta’ Jake Grech, Jurgen Degabriele poġġa gowl fuq platt lil IMANOL IRIBERRI li quddiem lasta vojta skorja s-seba’ gowl staġjonali għalih.

L-ewwel taqsima baqgħet negattiva minn kull aspett għal Tarxien meta weġġgħalhom Stiv Shaba u nħareġ b’ambulanza. Ftit wara t-Tarxiniżi sofrew it-tielet gowl meta Destin Mambouana żelaq waqt li kien qed jikkontrolla l-ballun u dan fetaħ triq lejn il-lasta għal Jake GRECH li avvanza u meta kien għad fadal biss il-gowlkiper quddiemu tefa’ fix-xibka.

It-tieni taqsima kienet bla storja b’Tarxien jirrassenjaw ruħhom kmieni filwaqt li Hibernians baqgħu jattakkaw tant li anki skurjaw ir-raba’ gowl meta kien għad fadal kwarta logħob. Is-sostitut Myles Beerman għamel ġirja tajba max-xellug u ta għan-nofs lejn JURGEN DEGABRIELE li skorja mill-viċin b’Rudi Briffa u Destin Mambouana jmissu l-ballun qabel daħal fix-xibka.

B’hekk intemm mingħajr wisq eċitament dak li jista’ jkun l-aħħar derby fil-Premier għalissa bejn iż-żewġ timijiet hekk kif iktar mhu qed jgħaddu logħbiet, Tarxien jidhru iktar qrib ir-relegazzjoni.