Futbol Sport

L-eks plejer ta’ Juventus u Inter Pietro Anastasi jmut fl-età ta’ 71 sena

(Ritratt: UEFA.com)

Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-eks attakkant Taljan Pietro Anastasi wara sentejn f’battalja mal-kanċer.  Anastasi jibqa’ mfakkar l-iktar għall-gowl storiku li kien skorja fil-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-1968 kontra l-Yugoslavia.

Anastasi libes il-flokk ta’ pajjiżu 25 darba u rnexxielu jsib ix-xibka tmien darbiet. Fuq livell ta’ klabb, hu rebaħ tliet darbiet il-Kampjonat Taljan bil-flokk ta’ Juventus qabel ingħaqad ma’ Inter u rebaħ il-Coppa Italia.

Immedjatament wara li tħabbret il-mewt tiegħu, Juventus permezz tal-mezzi soċjali urew d-dispjaċir tagħhom għall-mewta tiegħu fejn ddeskrivewh bħala ‘simbolu’ tas-snin sebgħin. Magħhom ingħaqdu wkoll Inter li estendew il-kondoljanzi tagħhom lill-familja Anastasi.

F’Ġunju li ġej fi Stadio Olimpico f’Ruma se ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kampjonat Ewropew, ironikament ftit aktar minn ħamsin sena wara li ospita l-gowl li tant baqa’ magħruf għalih Pietro Anastasi.