L-attenzjoni fi tmiem il-ġimgħa, iddur fuq il-konfront mistenni ta’ għada bejn Liverpool u Manchester United. Liverpool kellhom l-aqwa bidu fl-istorja tal-futbol Ingliż hekk kif sa issa wara 21 logħba, kisbu 20 rebħa u draw filwaqt li għadhom bla telfa. Inċidentalment, dan id-draw wasal proprju kontra Manchester United f’Old Trafford f’Ottubru li għadda. Dakinhar il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 1-1, bl-attakkant Marcus Rashford jiftaħ l-iskor fis-36 minuta, u l-midfielder Adam Lallana ġab id-draw ħames minuti mit-tmiem.
Fil-preżent, Manchester United jinsabu fil-ħames post b’34 punt. Fatt interessanti hu li fil-logħbiet kontra t-timijiet il-kbar, ir-Red Devils għandhom rekord pożittiv. Minbarra d-draw kontra Liverpool, huma għelbu lil Manchester City, Leicester, Chelsea u Tottenham, kisbu draw kontra Wolves u kienu megħluba minn Arsenal.
Minbarra d-dominju ta’ Liverpool, it-tim ta’ Jurgen Klopp ilu sitt logħbiet fil-kampjonat ma jsofri gowl, bl-aħħar okkażjoni tkun fir-rebħa ta’ 5-2 kontra r-rivali Everton, f’logħba milgħuba fit-2 ta’ Diċembru li għadda. F’dan il-konfront, Klopp se jkun qed ifittex l-ewwel rebħa kontra Ole Gunnar Solskjaer hekk kif fiż-żewġ dwelli kontra xulxin, iż-żewġ logħbiet spiċċaw fi draw, għalkemm l-ebda konfront minnhom ma ntlagħab f’Anfield.
Arsenal qed jimmiraw li jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva f’darhom taħt Mikel Arteta b’konfront kontra s-sorpriża tal-kampjonat Sheffield United, b’tal-aħħar qed jippruvaw jiksbu doppjetta wara r-rebħa ta’ 1-0 fl-ewwel rawnd. Pierre-Emerick Aubameyang jibda t-tliet logħbiet sospensjoni għal Arsenal filwaqt li Hector Bellerin, Lucas Torreira u Sead Kolasinac jinsabu dubjużi. Calum Chambers u Kieran Tierney huma l-plejers li se jdumu barra fit-tul, b’Sheffield ma jidhirx li għandhom plejers neqsin.
Il-Gunners rebħu biss darba fl-aħħar seba’ logħbiet f’darhom fil-kampjonat, iżda dik ir-rebħa kienet fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Manchester United. Sheffield United jistgħu jsiru l-ewwel klabb promoss li jikseb doppjetta fuq Arsenal minn Blackburn Rovers fl-istaġun 1992/93.
Premier League
Illum: Watford v Tottenham 1.30pm, Arsenal v Sheffield United 4.00pm, Brighton v Aston Villa 4.00pm, Manchester City v Crystal Palace 4.00pm, Norwich v Bournemouth 4.00pm, Southampton v Wolves 4.00pm, West Ham v Everton 4.00pm, Newcastle v Chelsea 4.00pm,Għada: Burnley v Leicester 3.00pm, Liverpool v Manchester United 5.30pm
//= $special ?>