Sport Waterpolo

Malta umiljata mill-Ungerija fl-akbar riżultat tal-Kampjonat Ewropew sa issa

(Ritratt: LEN)

MALTA………………  0

UNGERIJA………… 26

(0-6), (0-7), (0-8), (0-5)

L-Ungerija kellha bżonn 20 gowl biex tirbaħ Grupp Ċ għas-spejjeż ta’ Spanja, iżda mhux biss għamlet dan iżda laħqet it-tragward sat-tielet sessjoni. Hu fatt li anki fl-aqwa ġurnata, it-tim Malti ma kienx ikun possibbli li jlaħħaq mal-Ungerija, iżda l-prestazzjoni kienet diżappuntanti, bit-tim Malti donnu ħareġ rassenjat għal telfa kbira.

Din it-telfa kienet l-agħar waħda f’Malta fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew iżda wkoll l-ikbar telfa f’din l-edizzjoni sa issa. Is-sigħat sal-logħba li jmiss it-Tnejn, se jkunu importanti għall-aħħar żewġ logħbiet, bil-moral jinsab aktar minn baxx fil-mument.

(Ritratt: Zsolt Szigetváry/MTI)

Ir-reazzjoni wara t-telfa kontra t-Turkija ħalliet lill-plejers Maltin b’moral baxx li iżda wara din it-telfa għamlet l-affarijiet aktar diffiċli fil-kamp Malti. Dan hekk kif tul il-logħba, it-tim ta’ Karl Izzo ftit inkwieta lill-gowlkiper Viktor Nagy, kien passiv fid-difiża u temm il-logħba mingħajr ma skorja.

Kif mistenni, l-Ungerija bdiet il-logħba b’intenzjoni ċara li tirbaħ b’differenza kbira tal-gowls. Huma fetħu l-iskor fl-ewwel attakk minn man-up permezz ta’ Balasz Erdelyi. It-tim Malti beda jsibha diffiċli biex jattakka u ħafna drabi beda juża l-pussess kollu mingħajr ma jixxuttja fil-kaxxa. L-Ungerija temmet is-sessjoni 6-0 bil-gowls l-oħra jaslu minn doppjetta ta’ Zoltan Pohl, Marton Vamos, Denes Varga u Norbert Hosnyanszky.

(Ritratt: Zsolt Szigetváry/MTI)

L-andament fit-tieni sessjoni baqa’ l-istess bl-Ungeriżi jibqgħu ġejjin bla ħniena. Huma skorjaw seba’ gowls mingħajr risposta, b’erba’ gowls ta’ Gergo Zalanki, doppjetta ta’ Denes Varga u Szilard Jansik. It-tim Malti baqa’ jsibha diffiċli fl-attakk u saħansitra ma ħax vantaġġ fi tliet man-ups.

Fit-tielet sessjoni, l-Ungerija laħqet il-mira tagħha li tirbaħ b’differenza ta’ 20 gowl. It-tim ta’ Karl Izzo baqa’ qatt ma għolla l-livell tiegħu hekk kif donnhom ramew ix-xugaman fil-kompetizzjoni. L-Ungerija skorjat tnejn mit-tliet man-ups li kellha flimkien ma’ penalty. Il-gowls waslu minn doppjetti ta’ Denes Varga, Gergo Zalanki u gowls ta’ Zoltan Pohl, Marton Vamos, Balasz Erdelyi u Tamas Mezei.

L-aħħar sessjoni ma kinitx differenti, bl-Ungerija tiskorja ħames darbiet mingħajr risposta, tlieta minnhom minn man-up għal skor umiljanti. Malta tilgħab il-logħba li jmiss it-Tnejn li ġej kontra s-Slovakkja fil-11.30am.

(Ritratt: Zsolt Szigetváry/MTI)

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta, A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit, S. Camilleri, J. Camilleri, J. Abela, A. Cousin, B. Plumpton, Di. Zammit, A. Borg Cole

Ungerija: V. Nagy, D. Angyal (1), K. Manhercz (2), G. Zalanki (7), M. Vamos (2), N. Hosnyanszky (1), Z. Pohl (3), S. Jansik (1), B. Erdelyi (2), D. Varga (6), T. Mezei (1), B. Harai, S. Vogel

Referees: Ivan Rakovic (Serbja), Diana Dutilh-Dumas (Olanda)