Futbol Sport

Mistennija reazzjoni minn Floriana kontra Balzan

(Ritratt: James Galea)

Wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra, Floriana se jkunu qed jittamaw li jirritornaw għar-rebħ u jassiguraw ġimgħa oħra waħedhom fil-quċċata. Gżira, Hibernians, Valletta, u Sirens għandhom logħbiet kontra timijiet mit-tieni nofs tal-klassifika filwaqt li Birkirkara jittamaw li jkomplu bis-serje pożittiva tal-aħħar logħbiet.

Balzan v Floriana (illum fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

Mistennija reazzjoni minn Floriana wara li sofrew l-ewwel telfa l-Ħadd li għadda. Huma kienu megħluba 1-0 minn Birkirkara għalkemm kellhom prestazzjoni pożittiva li fihom laqtu wkoll tliet darbiet il-lasta. Il-kowċ Vincenzo Potenza jiskonta l-ewwel logħba minn tnejn ta’ sospensjoni. Balzan għadhom bil-mira li jiksbu post fl-Europa League u fil-preżent għandhom bżonn sensiela ta’ riżultati pożittivi biex jitilgħu mal-ewwel erbgħa fil-klassifika. Huma ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi u sofrew telfa biss fl-aħħar sitt logħbiet.

Valletta v Sliema W. (It-Tnejn fis-7.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

Id-draw kontra Santa Lucia kompla jpoġġi lil Valletta f’sitwazzjoni li ma jistgħux jitilfu aktar punti. It-telfa ta’ Floriana ħalliethom ħames punti bogħod mill-quċċata, bl-attakkant Jhony Cano Barrios jista’ jagħmel id-debutt iżda se jkollhom lil Steve Borg sospiż. Sliema tjiebu fil-prestazzjonijiet iżda xorta għadhom mhux qed jiksbu biżżejjed punti. Huma ġejjin minn żewġ telfiet ta’ 2-1 kontra Floriana u Balzan u se jkollhom lil Claudio Pani sospiż.

Gżira U. v Santa Lucia (għada fl-4.00pm fil-Hibernians Stadium)

It-telfa ta’ Floriana u r-rebħa tagħhom kontra Ħamrun, tat tama ġdida lil Gżira biex jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Quddiemhom se jsibu tim li ġej minn draw kontra Valletta u fl-ewwel rawnd waqqafhom fi draw ta’ mingħajr gowls. Gżira komplew jissaħħew f’din il-ġimgħa, għalkemm għada se jkollhom lil Amadou Samb sospiż. Santa Lucia jinsabu ta’ qabel tal-aħħar bħalissa u jittamaw li d-draw fl-aħħar logħba jkun il-bidu ta’ aktar rebħ ta’ punti. Camilo Escobar hu sospiż.

Gudja U. v Ħamrun S. (illum fis-2.00pm fis-Centenary Stadium)

Gudja se jfittxu tliet punti importanti fit-tentattiv kontra r-relegazzjoni. Huma ġejjin minn żewġ telfiet f’ħamest ijiem kontra Mosta u Hibernians li fihom ma sabux ix-xibka. Huma saħħew it-tim b’akkwist f’kull dipartiment li għandhom jgħinu lit-tim ta’ Josef Mansueto. Ħamrun ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Gżira United. Huma se jkollhom lil Mattia Cinquini sospiż, f’ġimgħa li fiha tilfu uffiċjalment lil Ryan Darmanin u Marco Criaco. Fl-aħħar seba’ logħbiet tal-kampjonat kisbu erba’ punti.

Tarxien R. v Hibernians (illum fis-2.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

Hibernians hu wieħed mit-timijiet tal-mument bħalissa. Fl-aħħar seba’ logħbiet kisbu ħames rebħiet u draws kontra Floriana u Valletta. Ir-rebħa fl-aħħar logħba kontra Gudja kompliet tikkonferma l-kwalitajiet fit-tim. Tarxien għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa hekk kif għadhom b’punt biss fil-qiegħ tal-klassifika. L-iskwadra Tarxiniż ftit inbidlet u l-affarijiet qed ikomplu jikkomplikaw ruħhom u dan il-konfront meqjus bħala derby ikompli jżid fl-importanza tal-logħba.

Birkirkara v Senglea A. (illum fl-4.15pm fis-Centenary Stadium)

Birkirkara jittamaw li jkomplu s-serje pożittiva tal-aħħar logħbiet hekk kif fl-aħħar ħames logħbiet kisbu erba’ rebħiet. Huma taw l-ewwel telfa lil Floriana fl-aħħar logħba, xhieda tal-potenzjal fit-tim Karkariż. Senglea kisbu draw ta’ 2-2 kontra Sirens fl-ewwel logħba tal-kowċ Giorgio Roselli. It-tim mill-Isla wkoll saħħaħ it-tim bl-akkwist tal-eks plejer Juninho Cabral u jittamaw li jtemmu s-serje negattiva hekk kif ilhom seba’ logħbiet bla rebħa fil-kampjonat.

Sirens v Mosta (għada fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium)

Iż-żewġ rebħiet konsekuttivi l-ġimgħa l-oħra għenu lil Mosta biex jitilgħu aktar f’nofs il-klassifika. Huma se jfittxu rebħa oħra biex ikomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni. Huma tilfu lil Dexter Xuereb li ngħaqad ma’ Gżira. Sirens li se jkollhom lil Adrian Borg sospiż, jinsabu fil-ħames post bħalissa. L-għan prinċipali għalissa jibqa’ li jsalvaw u qed ifittxu l-punti biex jaċċertaw posthom.