Lokali

Raġel arrestat waqt li kien qed jipprova jisraq minn residenza f’Bormla

Raġel ta’ 41 sena minn Bormla kien arrestat wara li allegatament kien qed jisraq minn residenza f’Bormla stess.

Għall-ħabta tas-2pm, persuna rrappurtat li r-raġel deher jidħol minn tieqa tar-residenza, fi Triq il-Mitħna. Il-Pulizija tad-Distrett iċċirkondaw il-post sakemm membri tar-Rapid Intervention Unit daħlu fir-residenza u sabu lir-raġel moħbi f’kamra żgħira.

Ir-raġel ġie arrestat u wara tfittxija li saret fuqu nstabu xi affarijiet li allegatament seraq mir-residenza. Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.