Lokali

Robert Abela jħabbar li se jikkontesta fuq it-2 distrett

Jagħmel dan wara kritika li t-tieni distrett issa mhux rappreżentat fil-Kabinett

Issa li l-Prim Ministru Robert Abela qassam il-Ministeri lid-Deputati tiegħu biex ifforma l-Kabinett tiegħu, hu ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni li jmiss ukoll fuq it-tieni distrett.

Dan wara li kienu ħafna dawk minn dan id-distrett li esprimew id-diżappunt kbir tagħhom li m’għandhomx Ministru li jirrappreżentahom.

Robert Abela ħabbar li hu se jikkandida ruħu fuq it-tieni distrett waqt il-programm Xarabank.

Dan id-distrett huwa magħmul mill-Birgu, L-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, in-naħa ta’ Ħaz Żabbar magħrufa bħala St Peter’s, parti mill-Fgura, il-Kalkara u x-Xgħajra,

Abela qal li kien ser jagħmel dan għax ma jistax jagħmel ministru minn kull distrett, u għaldaqstant għażel li jikkontesta fit-tieni distrett fl-elezzjoni ta’ sentejn oħra.

L-eks mexxej Laburista Duminku Mintoff  ikkontesta total ta’ 12-il elezzjoni fuq it-tieni id-distret bejn l-1950 u l-1996 u dejjem ġie elett mal-ewwel għadd. Fl-2013 imbagħad, il-mexxej il-ġdid Laburista Joseph Muscat, għamel deċizjoni tattika li joħroġ ukoll fuq dan id-distrett biex isewwi l-ħsara li kien għamel Alfred Sant meta fl-1998 ħareġ jattakka lill-eks mexxej tal-lejber u għajjar lill-Perit Mintoff traditur f’artu stess, fix-Xatt tal-Birgu.

Il-mossa ta’ Robert Abela tiġi  wkoll wara li Charmaine Craus, eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ dak li sa ftit tal-jiem ilu kien il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi ħarġet tikkritika bl-aħrax il-fatt li taħt Abela, Mizzi baqa’ b’xiber imnieħer.

Fl-elezzjoni tal-2017, Joe Mizzi kien il-kadidat Laburista bl-akbar numru ta’ voti wara Joseph Muscat fuq dan id-distrett u filfatt, Muscat ħatru Ministru tal-Enerġija wara dik l-elezzjoni. Imma minkejja dan, Robert Abela għażel li jħallih għal kollox barra mil-Kabinett u l-eżekuttiv tiegħu.

Dan ifisser li issa fil-Kabinett ta’ Abela, mhemm ħadd li kien elett mit-tieni distrett elettorali.