L-għaqdiet kollha li jġibu l-isem ta’ San Ġużepp imxerrda madwar Malta u Għawdex, il-Ħadd ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw festa kbira lil San Ġużepp.
Din il-Festa Nazzjonali Ġużeppina mmarkat il-bidu ta’ Sena Ġużeppina li se tfakkar il-150 sena minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.
Fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, il-Ħadd filgħodu ġie ċċelebrat Pontifikal Solenni mmexxi mill-Arċisqof Charles J. Scicluna u li għalih attendew il-fratellanzi kollha ta’ San Ġużepp, l-għaqdiet mużikali u soċjali u għaqdiet oħra inkluż tal-armar u n-nar li jġibu l-isem ta’ San Ġużepp.
Wara l-pontifikal saret Purċissjoni Solenni bil-vara artistika ta’ San Ġużepp meqjuma fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu, liema statwa, is-sena li għaddiet għalqet 325 sena.
Il-purċissjoni kienet akkumpanjata mill-frattelanzi kollha ta’ San Ġużepp kif ukoll il-baned Ġużeppini li għal din l-okkażjoni ngħaqdu f’banda waħda.
Dan waqt li l-għaqdiet kollha tal-armar ta’ San Ġużepp ħadu ħsieb jarmaw Triq ir-Repubblika bil-bandalori u Triq it-Teatru l-Antik bil-pavaljuni, biex b’hekk, il-Belt Valletta inbidlet f’vettrina ta’ armar Ġużeppin li matul is-sena jżejjen diversi bliet u rħula li jiċċelebraw festa lil dan il-qaddis. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu matul is-sena permezz tal-festi rispettivi u jagħlqu fid-19 ta’ Settembru b’festa nazzjonali oħra fir-Rabat.
//= $special ?>