Lokali

“Ħtieġa ta’ deċiżjonijiet għall-ġid ta’ pajjiżna”

Il-bżonn li l-Prim Ministru Robert Abela jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn għall-ġid ta’ pajjiżna kien il-messaġġ fil-qofol tad-diskorsi tad-Deputati Nazzjonalisti waqt djalogu fin-Naxxar.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabbiltà u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji, Maria Deguara talbet biex il-Gvern immexxi minn Robert Abela jassigura li kulħadd iħallas ta’ dak li għamel, hu min hu, għaliex b’hekk biss il-Maltin u l-Għawdxin jerġaw ikollhom il-fiduċja f’dawk li jmexxu lil pajjiżna.

“Issa li għandna Prim Ministru ġdid, il-poplu jistenna li l-prijorità ewlenija tiegħu għandha tkun li qabel kollox jreġġa’ lura lil pajjiżna għan-normalità, li tippermettilna ngħixu ħajja li sa ftit tas-snin ilu konna mdorrijin ngħixu,” fakkret Maria Deguara. “Ta’ prijorità ukoll il-bżonn urġenti li jistinka biex itejjeb u jikseb lura r-reputazzjoni tajba li kelna ma’ pajjii ġirien tagħna.”

Hi qalet li hemm bżonn li l-Partit Laburista ikompli jaħdem għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna hekk kif mingħajr stabbiltà politika ma nistawx nattiraw ekonomija b’saħħitha.

Minn naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropew, Robert Cutajar saħaq li minkejja li l-Gvern Laburista dejjem tkellem dwar il-kontinwità, dan mhux jidher mit-tmexxija preżenti.

“Fejn hi l-kontinwita meta fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru Robert Abela kien li neħħa lil Ministru tal-Ġustizzja?” staqsa Robert Cutajar. “Kemm tkellimna ili ma kinitx qed tiġi mħarsa l-ġustizzja, kemm konna qed nitkelmu kontinwament illi konna qed naraw li qed tiġi mxekkla mill-istituzzjonijiet li ħataf l-istess Gvern. Kelna raġun meta tlabna lil Ministru Owen Bonnici jerfa’ r-responsabbiltà.”

Cutajar saħaq li imbilli l-Prim Ministru, Robert Abela ċaqlaq lin-nies fl-irwol tagħhom għal pajjiżna, miegħu xorta waħda għad għandu nies li kienu nvoluti fil-Gvern korrott ta’ Muscat.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, Libertajiet Ċivili, u Drittijiet taċ-Ċittadini, Claudette Buttigieg talbet spjegazzjoni għaliex il-Prim Ministru, li wieħed jistenna li jmexxi l-pajjiż b’bidla, irringrazzja lil min ħarab milli jipproteġi lil pajjiżna.

“Huwa għalhekk illi ma fhimtx għalfejn il-Prim Minsitru l-ġdid, Robert Abela rringrazzja lil Kummissarju tal-Pulizija, Laurence Cutajar,” qalet Claudette Buttigieg. “Ringrazzjament ta’ xiex? Ringrazzjament talli ma arrestax nies li għax huma qrib Joseph Muscat kellhom il-protezzjoni tal-istess kummissarju u aġevolahom sempliċiment billi m’għamilx dmiru u għadhom barra sa llum? Ringrazzjament talli m’għamilx dak li kellu jagħmel? Talli tappan ir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija?”

Buttigieg kompliet fakkret f’diversi azzjonijiet li ħa gvern laburista, fosthom il-kuntratt tal-Electrogas u s-sit tal-ITS, li għamlu ħsara lil pajjiżna filwaqt li tittama li l-Prim Ministru l-ġdid iħalli liċ-ċittadini Maltin jgħixu ħajja normali.