Lokali

“Id-deċiżjonijiet se noħduhom aħna” – Robert Abela

“Id-deċiżjonijiet se noħduhom aħna”. Dikjarazzjoni ċara mill-Prim Ministru Robert Abela. Dikjarazzjoni li tmur kontra dak li ftaħar bih jumejn biss qabel, li se jikkonsulta mal-Oppożizzjoni.

Robert Abela għamel din id-dikjarazzjoni fl-ewwel diskors tiegħu f’Malta bħala Prim Ministru … diskors li sar apposta f’Bormla fl-isfond tar-rabja li fil-kabinett m’hemm l-ebda Deputat minn dan id-Distett.

Filwaqt li kompla jisħaq fuq il-kontinwita, Abela rrepeta ħafna minn dak li qal fid-diskors tiegħu f’Kordin, kif koll is-Sibt ġewwa Għawdex fejn reġa’ saħaq li l-Partit Laburista hu magħqud, minkejja l-battibekki li ma jridu jaqgħu xejn bejn l-esponenti Laburisti fuq il-media soċjali.

Quddiem il-partitarji Laburisti f’Bormla, Robert Abela tkellem fuq arja friska li qal li reġgħet daħlet fil-Partit Laburista, b’referenza ċara għall-mod kif kien qed jitmexxa pajjiżna fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew.

Bħall-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Lejber li kien għamel Kordin, Abela reġa’ għamel referenza għall-Perit Mintoff u ftaħar li bħalissa f’pajjiżna hawn il-ġid, fejn il-familja jaffordjaw joħorġu jieklu u jsiefru darba fis-sena.

Iżda l-Prim Ministru nesa n-numru dejjem jikber ta’ nies li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

F’diskors ta’ madwar tliet kwarti, Robert Abela ma għamel l-ebda referenza għal dak li kien żvelat fil-media bl-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, ir-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li siefer mas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech.

Waqt l-istess attività, f’tentattiv li jipprovaw juri li qed tirrenja l-għaqda bejniethom, indirizza lil dawk preżenti l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne.

Hu ammetta li d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kienu deċiżjonijiet dgħajfa waqt li saħaq li min għamel l-iżbalji, irid iwieġeb għalihom.

Ammetta wkoll li saret ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li ħadet daqqa kbira l’isfel fl-aħħar xhur.