Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jittamaw ‘fir-riżultati’ mill-Konferenza dwar il-Libja

Ir-rappreżentanti tan-naħat ġellieda fil-Libja ssieħbu mal-mexxejja tal-potenzi ewlenin għal konferenza internazzjonali – organizzata f’Berlin — dwar dak li għaddej bħalissa f’dak il-pajjiż Afrikan, fost l-isforzi ġodda biex l-entitajiet Libjani avversarji jwaqqfu l-konflitt ċivili.

It-taħditiet ta’ Berlin qed isegwu l-kroll ta’ ftehim għall-waqfien mill-ġlied preċedenti, meta l-Armata Libjana tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar qed tkompli bl-offensiva kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li għandu s-sede fi Tripli u li qed igawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Sadanittant hemm l-indikazzjonijiet ta’ ‘problemi’ fir-rigward ta’ Khalifa Haftar u kemm dan għandu jimpenja ruħu b’mod konkret għall-paċi,

Dan wara li Haftar, fi tmiem il-ġimgħa, kompla jeskala l-konflitt ċivili fil-Libja fost l-għeluq tal-portijiet taż-żejt lejn il-lvant tal-pajjiż. Il-kelliema għall-Korporazzjoni taż-Żejt Nazzjonali tal-Libja sostnew li x-shutdown kien ordnat direttament mill-qawwiet ta’ Haftar, bis-sitwazzjoni tnaqqas il-produzzjoni taż-żejt b’xi 800,000 barmil kuljum u li jfisser daqqa ta’ ħarta kbira għall-pajjiż li jiddependi fuq iż-ħejt bħala l-akbar sors tad-dħul.

Is-summit dwar il-Libja f’Berlin hu wkoll intiż biex il-potenzi barranin jimpenjaw ruħhom ħalli jonoraw embargo tan-NU fuq l-armi lejn il-Libja u biex dawn il-pajjiżi ma jkomplux jindaħlu fil-konflitt bejn il-Libjani.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li l-konferenza dwar il-Libjaqed taħseb biex tevita sitwazzjonijiet fejn jieħdu vantaġġ il-pajjiżi li qegħdin jappoġġjaw naħa ( Libjana) kontra l-oħra. Qabel attenda għat-taħditiet f’Berlin, Johnson tenna li l-poplu tal-Libja sofra biżżejjed u li issa ‘wasal iż-żmien biex dan il-pajjiż iħares ‘il quddiem lejn perjodu ta’ paċi u stabbilità’.

Minbarra r-rappreżentanti tan-naħat Libjani avversarji, il-konferenza qed issir ukoll bis-sehem tar-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti u potenzi ‘globali’ oħrajn, fosthom il-President tar-Russja Vladimir Putin u l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.

Intant, Putin u Erdogan iltaqgħu wara l-kwinti tal-konferenza, bil-President Russu jinsisti li l-parteċipanti għall-konferenza qed ikomplu jittamaw fil-proċess tad-djalogu għall-aħjar interessi tal-Libja u (anki) li tinstab soluzzjoni għall-konflitt bejn il-Libjani.

Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan – li fl-aħħar jiem bagħat it-truppi Torok lejn il-Libja biex jappoġġjaw lill-Gvern ta’ Sarraj, fi Tripli – għamilha ċara li ‘Khalifa Haftar jeħtieġ itemm l-atteġġjament aggressiv tiegħu’.

L-Armata tal-Ġeneral Haftar qed tikkontrolla l-parti kbira tal-inħawi tal-Lvant tal-Libja u ilha minn April imexxi l-offensiva kontra l-Gvern ta’ Tripli li qegħdin jiddefenduh il-gruppi tal-milizji alleati ma’ Sarraj.