Attakk bil-missili fuq kamp għal taħriġ tal-militar fil-Jemen sewa l-ħajja ta’ mill-anqas tmenin suldat, minbarra li ħalla għexieren tal-midruba. L-isparatura tal-missili konċentrat fuq il-provinċja ċentrali ta’ Marib, bil-mira prinċipali tkun il-kamp li jinsab xi 170 kilometru lejn il-lvant mill-belt kapitali, Sanaa. L-attakk seħħ ukoll meta n-nies kienu miġbura għat-talb ġo moskea fiz-zona partikulari.
Il-Gvern tal-Jemen waħħal fir-ribelli Houthi ( appoġġjati mill-Iran) għall-attakk iżda dan il-moviment ta’ ġellieda ma assumiex ir-responsabbiltà uffiċjali. Dan waqt li s-sorsi f’Marib kienu qed jistennew li jiżdiedu l-ammont ta’ mejtin mill-isparatura.
Il-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi, ikkundana ‘dan l-attakk kodard’ waqt li akkuża lill-Houthi ‘bħala element ostili li ma għandu l-ebda xewqa ġenwina għall-paċi’.
Il-Jemen ilu mill-2015 f’morsa ta’ konflitt ċivili wara li r-ribelli Houthi kienu ħatfu kontroll f’diversi bnadi lejn il-punent tal-pajjiż, bil-President Hadi ikun kostrett li jaħrab mill-Jemen. L-indikazzjonijiet tul is-snin kienu li l-Houthi ingħataw appoġġ militari mill-Iran, bl-Arabja Sawdija u tmien Stati Għarab oħra ( Sunniti Mususlmani) jissieħbu f’koalizzjoni militari bil-għan li jrażżnu t-theddida tar-ribelli filwaqt li jirristawraw il-Gvern ta’ Hadi.
Mietu l-mijiet tal-eluf fil-konflitt tal-Jemen li n-Nazzjonijiet Uniti qed tfissru bħala l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja.
//= $special ?>