Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana sabbtet saqajha u ma riditx taċċetta l-offerta tal-Prim Minsitru Robert Abela biex minflok tieħu d-dekasteru tal-edukazzjoni.
Konsegwenza ta’ dan, Robert Abela spiċċa b’idejh marbuta u ma kelluxgħażla oħra ħlief li jikkuntentaha u jħalliha żżomm ir-responsabbiltà t’Għawdex.
Dan bil-konsegwenza li Anton Refalo mill-ġdid spiċċa mwarrab, f’deċiżjoni li ħallietu dispjaċut u ġabet rabja fosti l-ksotitwenti tiegħu.
Iżda mhux biss is-sostenituri ta’ Refalo li ħassewhom traduti. Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jżomm lil Justyne Caruana bħala l-Ministru għal Għawdex xejn ma niżlet tajjeb lanqas ma’ dawk li jappoġġjaw lil Clint Camilleri.
Tant hu hekk l inies qrib tiegħu ddeskrivewha bħala deċiżjoni short-term, għaliex Għawdex ukoll għandu l-bżonnijiet urġenti tiegħu f’termini ta’ tmexxija.
Dan għaliex fis-sentejn u nofs li Justyne Caruana ilha l-Ministru għal Għawdex wara li ħadet post Anton Refalo, Għawdex mar lura qatigħ kemm f’termini ta’ dehra kif ukoll f’termini ta’ inizjattivi.
Filfatt dan ġie nnutat kemm mill-gazzetta ‘il-mument’ kif ukoll mill-gazzetta ‘illum’.
Nies li tkellmu ma’ il-mument qalu li jemmnu li l-Prim Ministru l-ġdid mhux se jdum ħafna biex jirrealizza li b’Justyne Caruana Għawdex se jissokta jmur lura.
Oħrajn qalu li huma d-diversi proġetti ta’ toroq li waqfu jew għaddejjin b’”ritmu ta’ nemla”. Dan qiegħed joħloq inkonvenjent għall-Għawdxin u kull min iżur il-gżira.
Bl-iskandli fis-settur tas-Saħħa, bl-isptar ta’ Għawdex m’għadux tal-pubbliku iżda sar ta’ Steward, ħafna wkoll qed jaħdmu li Justyne Caruana mhux tindirizza t-tħassib tal-Għawdxin dwar il-prijoritajiet tas-saħħa tagħhom.
Għalkemm dawn il-problemi kollha kollox jidher li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Ministru Justyne Caruana kienet aljenata tħejji l-manuvri tagħha biex la darba jibgħat għaliha l-Prim Ministru l-ġdid, hi tkun taf kif issabbat saqajha ħalli żżomm id-dekasteru għal Għawdex. Sadattant il-firda bejn Justyne Caruana u Refalo kompliet toħroġ fil-beraħ mat-tħabbira tal-Kabinett ġdid. Refalo, fuq Facebook, kiteb lill-kostitwenti tiegħu li mhux dejjem se jkun jista’ jirrappreżentahom … ftit biss wara kitbet Justyne, li qalet li l-bieb tagħha miftuħ għal kulħadd f’dik li qed titqies bħala botta ċara lill-avversarju tagħha.
