Jekk verament il-Prim Ministru ġdid Robert Abela jemmen fil-governanza tajba quddiemu għandu l-ewwel test importanti. X’se jagħmel bil-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana?
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista wara li The Sunday Times żvelat kif l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li huwa r-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, siefer mas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech.
Dan meta Fenech kien diġà ġie identifikat mill-Pulizija bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista stqarr li Robert Abela issa jrid juri kemm verament jemmen fil-governanza tajba, għalkemm sal-lum jidher li ma jafx eżatt xi tfisser meta ħatar kumitat li fih poġġa l-istess nies li jridu jagħmlu skrutinju tagħhom infushom.
Fost dawn, speċjalment il-Ministru Owen Bonnici li ma ħalliex lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu fil-libertà u l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar li ta lilu innifsu xogħol u paga oħra addizzjonali bi ksur tar-regoli tal-Gvern stess.
“Din hija l-kontinwità li jrid il-Prim Ministru,” jiddikjara l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

