Lokali

Muscat ma jridx jippubblika l-lista tar-rigali li rċieva

Joseph Muscat mhux se jippubblika l-lista ta’ rigali li rċieva fil-kariga ta’ Prim Ministru minkejja li kien stqarr mod ieħor.

Is-Sunday Times qalet li Muscat stqarr mal-gazzetta li m’għandux intenzjoni li jippubblika l-lista ta’ rigali. Dan qalu erba’ t’ijiem wara li rreżenja minn Prim Ministru.

Huwa qal li għamel dak li kien obbligat li jagħmel bil-protokol meta ġie mistoqsi dwar il-lista ta’ rigali.

F’Diċembru li għadda, kien ġie rrappurtat li l-Prim Ministru Muscat kien mistenni jżomm mal-prassi tal-predeċessuri tiegħu u fit-tmiem il-kariga jippubblika l-lista ta’ rigali li rċieva meta kien Prim Ministru.

Issa kollox jidher li se jmur lura minn kelmtu, u din il-lista qatt m’aħna se narawha.

Il-Prim Ministru kien spiċċa fil-lenti tal-kritika fl-aħħar jiem tal-kariga tiegħu meta qalu li hu ngħata tliet fliexken inbid Petrus li hu mifhum li jiswew eluf ta’ ewro kif ukoll arloġġ ta’ prestiġju minn Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar jiem ukoll kien ġie żvelat li l-Kummissarju Permanenti kontra l-korruzzjoni qed tinvestiga dawn l-allegati akkużi ta’ rigali li ngħataw lil Joseph Muscat meta kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru.

Joseph Muscat qed ikun investigat ukoll b’rabta ma’ sensiela ta’ safriet li għamel fl-aħħar jiem tiegħu bħala Prim Ministru, b’mod speċjali s-safra ta’ ftit sigħat lejn Dubaj, li hu stmat li tiswa’ eluf ta’ ewro.