Fi ħdan il-Gvern Laburista qed tikber il-pressjoni wara l-aħbar li r-raġel ta’ Justyne Caruana, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, siefer ma’ Yorgen Fenech waqt li dan tal-aħħar kien qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Għalemm m ċaħadx din l-aħbar, Silvio Valletta ċaħad li kien jaf li Yorgen Fenech kien jinsab taħt investigazzjoni fl-istess żmien li siefru flimkien.
Madankollu, sorsi ta’ Net News jindikaw li din l-aħbar xejn ma niżlet tajjeb mad-Deputati Laburisti, li huma determinati li ma jgħaddux minn dak li għaddew minnu fl-aħħar xhur, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.
Ma ntogħġbotx lanqas l-aħbar li Silvio Valletta u Yorgen Fenech tant kienu qrib xulxin li dan tal-aħħar kien jitkellem mat-tfal tiegħu u jirreferi għalih bħala ‘z-Ziju Silvio’.
Kien fid-dawl ta’ dan li bħalissa qed issir pressjoni interna qawwija biex il-mexxej Laburista Robert Abela jieħu d-deċiżjoni li jwarrab lil Justyne Caruana.
Dan iktar u iktar fl-istess jum li iktar minn ġurnal wieħed tal-Ħadd żvelaw kif Justyne Caruana marret kontra x-xewqa ta’ Robert Abela u rrifjutat il-portafoll tal-edukazzjoni biex żammet il-Ministeru ta’ Għawdex.
L-aħbar ta’ llum xejn ma niżlet tajjeb mal-kostitwenti Għawdxin, b’mod speċjali dawk ta’ Anton Refalo, li issa qed jistaqsu għaliex dan baqa’ jiġi mwarrab minkejja li kien leali u mhux involut f’dawn il-kontroversji.
Madankollu, s’issa, Robert Abela qed jagħżel li ma jiqafx lil Justyne Caruana tant li f’Bormla, il-Ħadd filgħodu, ma għamilx imqar riferenza għall-istorja tas-safra ta’ Silvio Valletta ma’ Yorgen Fenech.
//= $special ?>

