Internazzjonali

Renju Unit: Paġna ġdida – u storika – fil-ħajja ta’ Harry u Meghan

Il-poplu Britanniku u l-analisti tal-Familja Rjali Britannika qegħdin jitkellmu dwar il-ħajja ġdida li deħlin għaliha Harry u Meghan, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, li fil-ġejjieni jridu jiffaċċjaw numru ta’ impenji bħala waħda mill-aktar koppji ċelebri fid-dinja anki jekk, effettivament, mgħadhomx jirrappreżentaw lill-monarkija, minkejja li huma xorta membri tal-Familja Rjali tar-Renju Unit.

Fi tmiem il-ġimgħa, kien ikkonfermat li l-Prinċep Harry u Meghan mhumiex se jużaw aktar it-titli rjali ‘His/Her Royal Highness’ u lanqas mhuma se jgawdi aktar mill-fondi pubbliċi biex jaqdu d-doveri rjali. Intant, id-Duka u d-Dukessa beħsiebhom iħallsu lura 2.4 miljun Sterlina mill-flus tat-taxxa investiti fir-ristrutturizzazzjoni ta’ Frogmore Cottage, li se jibqa’ r-residenza tagħhom għaż-żmien li huma jagħmlu fir-Renju Unit.

Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham qalu li l-arranġament ġdid, li jiftaħ kapitlu ġdid għal Harry u Meghan, se jsir effettiv mir-rebbiegħa.

Dan wara li rrankaw l-iżviluppi ladarba r-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra kellha taħditiet ma’ Harry u Meghan dwar il-futur tagħhom. It-taħditiet segwew l-aħbar ‘bomba’ tal-koppja Sussex li riedu jieħdu ‘pass lura’ mid-doveri bħala membri ewlenin tal-Familja Rjali meta qegħdin jaħsbu biex iqattgħu żmien fir-Renju Unit u l-Kanada.

Intant, ir-Reġina hi ‘sodisfatta’ li, issa, instabet triq ‘il quddiem għan-neputi tagħha Harry u l-familja tiegħu. L-istqarrija kompliet li ‘Harry, Meghan u (binhom) Archie) se jkunu dejjem membri maħbubin ta’ familtha’, bir-Reġina tirringrazzja ‘lid-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex għax-xogħol iddedikat tagħhom tul l-aħħar xhur’.

Fi stqarrija separata, il-kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham qalu li l-koppja Sussex mhix se tuża t-titli HRH peress li mgħadhomx membri attivi tal-Familja Rjali.Dan ifisser li — kuntrarju għar-rwol progressiv li Harry u Meghan kienu qed jippjanaw bħala membri tal-Familja Rjali – id-Duka u d-Dukessa ‘qegħdin jitbiegħdu b’mod permanenti mid-doveri li kellhom bħala rappreżentanti tal-monarkija’.

L-uffiċjali qrib il-monarkija kkonfermaw ukoll li d-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex jifhmu li, issa, jeħtieġu jirtiraw mill-impenji rjali li jinkludu avvenimenti militari uffiċjali. Madankollu, Harry u Meghan se jkomplu bil-patroċinji u assoċjazzjonijiet privati tagħhom. Fl-istess ħin, il-palazz ma jikkummentax dwar min irid jipprovdi l-arranġamenti tas-sigurtà għall-koppja waqt li ma ssemma xejn dwar l-ispejjeż involuti’.

Sadanittant, ir-Reġina Eliżabetta, illum, għamlet l-ewwel dehra pubbliku mindu tħabbar il-‘futur ġdid’ ta’ Harry u Meghan meta hi attendiet għall-quddies flimkien ma’ binha, il-Prinċep Andrew, id-Duka ta’ York.