Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Imutu fin-nirien ġo dar għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Mietu talanqas tmien persuni fost nirien li feġġew ġo dar għal persuni bi bżonnijiet speċjali fil-belt ta’ Vejprty, li tinsab qrib iz-zona tal-fruntiera mal-Ġermanja. L-aħħar rapporti qalu li talanqas 30 oħra indarbu fin-nirien, b’uħud jispiċċaw f’kundizzjoni serja.

Il-kaġun tal-inċident ma kienx ċar, bil-maltemp, għall-bidu, ifixkel sew lill-isforzi tas-salvataġġ fil-kumpless. Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi mill-Ġermanja baqgħu jagħtu l-għajnuna lill-iskwadri Ċeki li kienu qed jistinkaw biex iġibu s-sitwazzjoni tal-kontroll.

Il-media Ċeka qalet li dan kien l-aktar nar qattiel fir-Repubblika Ċeka, filwaqt li rreferiet għal każ ieħor simili, fl-2000, meta disa’ persuni bla dar kienu mietu f’nar li qabad fil-belt kapitali ta’ Praga.

L-aħħar rapporti qalu li n-nar fil-kumpless ta’ Vejprty qabad fis-sezzjoni tas-subien u nfirex madwar id-dar sakemm inġieb taħt kontroll. Talanqas tmienja mill-vittmi mietu b’effett tad-dħaħen li belgħu.

Il-belt ta’ Vejprty tinsab xi 100 kilometru lejn il-majjistral ta’ Praga, bir-rapporti jsostnu li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, li żar is-sit tat-traġedja, qed iwiegħed ‘kull għajnuna fl-investigazzjoni  dwar x’wassal għan-nirien’.