Byron Camilleri, il-Ministru l-ġdid tal-Intern – allura direttament responsabbi mill-Korp tal-Pulizija – għandu għadma iebsa ħafna biex jerġa’ jqajjem lill-Korp tal-Pulizija fuq saqajh.
Dan biex il-Korp jerġa’ jikseb il-fiduċja u s-simpatija tal-Maltin u l-Għawdxin hekk kif il-Ministru preċedenti rnexxielu jabbanduna lill-Korp li llum jinsab f’telqa kbira wara li kien inħataf minn Kastilja.
Fuq quddiem nett tal-lista tal-persuni li qed jissemmew li jistgħu jidħlu għal din il-kariga hemm l-eks fizzjali Pierre Calleja u Neil Harrison li mmilitaw għal għadd ta’ snin fil-Korp tal-Pulizija, fosthom fid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali u fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Sa ftit jiem ilu, fl-okkażjoni tal-ewwel diskors ta’ Robert Abela bħala mexxej Laburista, Neil Harrison saħansitra deher jifraħlu qalb il-folla.
Magħhom qed jissemmew ukoll il-fizzjali Ian Abdilla, Ramon Mercieca u Martin Sammut. Flimkien ma’ Angelo Gafà li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp tal-Pulizija.
Jidher li Martin Sammut jibda b’vantaġġ notevoli fuq il-kollegi tiegħu kemm għall-fatt li hu ppreferut minn Ramon Mercieca u anki għaliex Ian Abdilla ħaraq il-karriera tiegħu bl-investigazzjonijiet fażulli li għamel kemm fis-saga ‘Pilatus Bank’ u anki b’konnessjoni mal-istorja ta’ Yorgen Fenech.
Dawn kienu żewġ investigazzjonijiet importanti fejn Ian Abdilla seta’ eċċella, iżda minflok falla konsiderevolment.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien ikkwotat jgħid li jippreferi Kummissarju tal-Pulizija minn ħdan il-Korp. Ħasra li matul l-aħħar snin bosta kienu dawk il-membri li għażlu li jitilqu minn Korp biex ma jikkompromettux lilhom infushom u l-pożizzjoni tagħhom.
Kummissarju tal-Pulizija ġdid, hu min hu, żgur li se jkun qed jiret ħafna investigazzjonijiet li jrid jagħmel…. ibda mill-każ ‘John Dalli’ sal-każ ‘Keith Schembri u allegazzjonijiet oħrajn li saru fil-konfront ta’ Joseph Muscat u ta’ persuni influwenti oħra.
Dan apparti s-serqa ta’ flus f’salarji u f’pagi hekk kif maħduma mid-Detail f’Għawdex u każi ta’ membri fil-Korp li sfortunatament huma involuti fin-negozju u fit-traffikar tad-droga. Tant hu hekk li uħud diġa ntlabu jagħmlu t-test tal-urina.