Lokali

Żvelat kif Silvio Valletta siefer ma’ Fenech, sena wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia

Fenech instema’ jgħid lit-tfal tiegħu biex iżommu idejn “uncle Silvio”

L-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta siefer mal-imprenditur Yorgen Fenech meta dan kien diġa identifikat mill-Pulizija bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Id-dettalji dwar din is-safra kienu żvelati mis-Sunday Times li tirrapporta kif ir-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana mar jara logħba tal-klabb tal-futbol Ingliż, Chelsea, fid-29 ta’ Settembru tal-2018.

Dan ifisser sena wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, meta l-Pulizija kienet diġa xeħtet għajnejha fuq Yorgen Fenech.

Is-Sunday Times tirrapporta li Valletta, li kien parti minn skwadra ta’ investigaturi f’dan il-każ, qabad titjira tal-Air Malta lejn Heathrow flimkien ma’ Yorgen Fenech. Huma poġġew flimkien fil-business class.

Waqt it-titjira, Yorgen Fenech saħansitra nstema’ jgħid lit-tfal tiegħu biex iżommu jdejn Silvio Valletta, li rrefera għalih bħala z-Ziju Silvio.

Anke fi Stamford Bridge, l-istadium ta’ Chelsea, huma kienu flimkien f’żona privata, biex assistew għal-logħba kontra Liverpool, li ntemmet f’parità.

Mistoqsi mill-ġurnal, Silvio Valletta ma ċaħadx din l-istorja iżda qal biss li hu ħallas minn butu għas-safra.

Silvio Valletta rtira mill-Korp f’Settembru li għadda, sena wara din il-vaganza flimkien ma’ Yorgen Fenech u xahrejn qabel dan tal-aħħar ġie arrestat mill-Pulizija.

Ta’ min jinnota wkoll li fl-istess żmien tas-safra, l-FIAU li tagħha Silvio Valletta kien parti mill-Bord tal-Gvernaturi, kienet għaddiet rapport lill-Pulizija li fih uriet kif Yorgen Fenech bħala direttur tal-power station tal-Electrogas kien ukoll is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Eventwalment Silvio Valletta kien irtira minn din l-investigazzjoni wara pressjoni minn Occupy Justice li lmentaw minn kunflitt ta’ interess fil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-FIAU bħala r-raġel ta’ Justyne Caruana. Il-Qorti tat raġun lill-attivisti u ordnat li jħalli l-investigazzjoni.

Fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-istorja, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami, iddikjara li dan hu l-ewwel test għal Robert Abela.

Dan waqt li ddeskriva l-pożizzjoni tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana bħala waħda li mhix tenibbli u li għandha ħafna x’tispjega. “Robert Abela għandu jkeċċi lil Justyne Caruana minnufih,” jiddikjara d-Deputat Fenech Adami.