Għawdex Internazzjonali Knisja Lokali

“Il-Knisja tibqa’ titlob għal paċi dejjiema fir-reġjun” – l-Isqof Għawdxi fi Tripli

L-isqof ta' Tripli, George Bugeja mal-Papa Franġisku Ritratt: Djooċesi ta' Għawdex

“Il-Knisja Nisranija tibqa’ titlob għall-waqfien mill-ġlied bejn il-fazzjonijiet opposti”. Kliem il-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, George Bugeja.

L-Isqof Bugeja, li huwa Patri Franġiskan Minuri u li huwa Għawdxi, f’intervista li ta lill-Gazzetta tal-Isqfijiet Taljani, Avvenire, ta l-kelma li se jkun preżneti Bari għall-laqgħa dwar il-paċi fil-fruntiera tal-Mediterran li se sssir bejn id-19 u t-23 ta’ Frar u li se tlaqqa’ lil aktar minn 60 isqof li qed iservu fil-Mediterran.

F’din il-laqgħa, l-Isqof Għawdxi se jkun qed iwassal ir-realtà tas-sofferenza u l-istennija fil-Libja li għandha bżonn “serenita u paċi dejjiema”, kif qal l-istess Bugeja lil Avvenire.

George Bugeja qal li l-Knisja trid tkun preżenza ta’ rikonċiljazzjoni fil-Libja. Dwar l-immigrazzjoni, hu qal li meta jsiru jafu b’xi ħadd li jkun se jipprova jaqsam il-Mediterran, huwa jipprova jikkonvinċih ma jagħmilx dan, u li l-Knisja tibqa’ qrib dawk li jixtiequ futur aħjar u se tibqa’ taħdem għal dan flimkien ma’ organizzazzjonijiet bħal Caritas Libja u l-UNHCR.

Il-laqgħa f’Bari se tingħalaq minn Papa Franġisku.