Lokali

AĠĠORNATA: Justyne Caruana tirriżenja

"Il-ġurnata t-tajba" - Anton Refalo

Justyne Caruana rriżenjat minn Ministru għal Għawdex wara li ġew żvelati r-rabtiet mill-qrib bejn żewġha, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, u n-negozjant Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Wara li lbieraħ kien żvelat li Valletta siefer ma’ Yorgen Fenech biex jara logħba futbol, meta diġà kien maghruf li n-negozjant hu wieħed mis-sidien tal-konsorzju Electrogas, illum kien żvelat li l-Pulizija għandha f’idejha filmat li juri lir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex ‘jikkummiedja’ fil-karozza lussuża ta’ Yorgen Fenech.

Waqt il-ħidma tagħhom biex ikunu investigati l-passi ta’ Yorgen Fenech, il-Pulizija sabu l-filmat fil-mobile ta’ Fenech. Fih, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija deher fil-karozza Rolls Royce, propjetà tan-negozjant, għalkemm s’issa għadu mhux magħruf meta nġibed dan il-filmat.

Fl-aħbar żvelata lbieraħ, sar magħruf li fid-29 ta’ Settembru tal-2018, Fenech u Valletta marru jaraw logħba futbol tal-klabb Ingliż Chelsea fi Stamford Bridge, f’Londra. Iżda meta mistoqsi dwar din iż-żjara, ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex ċaħad li dakinhar kien jaf li Fenech kien qed jiġi investigat.

Dan minkejja li l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija kien diġà nħatar membru tal-Bord tal-FIAU, li kien qed jinvestiga r-rabtiet li l-kumpanija 17 Black seta’ kellha mal-kumpaniji sigrieti miftuħa fil-Panama mill-eks Ministru Konrad Mizzi u mill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Dwar il-filmat, Silvio Valletta qal li dan kien inġibed wara li hu telaq mill-Korp tal-Pulizija. Min-naħa l-oħra, il-media lokali kkwotat sorsi li qalu li l-pressjoni saret fis-sens li l-filmat juri r-relazzjoni mill-qrib li l-eks Deputat Kummissarju kellu ma’ sid 17 Black.

F’Ġunju 2018, jiġifieri tliet xhur qabel il-vjaġġ lejn il-kapitali Ingliża, Silvio Valletta kien issospenda lilu nnifsu mill-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan wara li l-Qorti rat il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess minħabba li hu miżżewweġ lil Justyne Caruana, li min-naħa tagħha, ġieli kienet politikament ikkritikata mill-ġurnalista.

Justyne Caruana kienet inħatret Ministru għal Għawdex wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, fost numru ta’ rapporti li Daphne Caruana Galizia kienet qed tikteb fil-konfront tan-negozjant Yorgen Fenech.

Hi kienet ħadet post l-eks Ministru Anton Refalo, b’din il-mossa kienet ikkonfermata ftit tal-jiem ilu mill-Prim Ministru Robert Abela fil-ħatra tal-Kabinett tiegħu.

Intant, fuq Facebook dalgħodu, id-deputat Għawdxi Anton Refalo tefa’ messaġġ akkumpanjat b’ritratt, fejn awgura l-ġurnata t-tajba lil kulħadd.