Il-maltemp li, bħalissa, qed jolqot diversi bnadi tal-Awstralja produċa ħalbiet tax-xita li taffa ftit mill-emerġenza tan-nirien fir-reġjuni lejn il-lvant tal-pajjiż. Madankollu, l-awtoritajiet Awstraljani qed iwissu li l-kriżi tal-bushfires xorta waħda għadha ‘il bogħod milli mituma.
Minkejja x-xita għadhom qed jaqbdu ‘il fuq minn 80 nar madwar l-Istati ta’ New South Wales u Victoria. Sadanittant, l-ibliet ta’ Melbourne u Canberra ntlaqtu minn maltemp qawwi, bil-blalen tas-silġ jinżlu għal fuq numru ta’ zoni.
Saru l-mijiet tat-telefonati ta’ emerġenza wara li l-blalen tas-silġ ( uħud kbar daqs ballun tal-golf) kissru t-twieqi tal-uffiċini u l-windscreens tal-karozzi f’Canberra.
Qed ikun imbassar aktar maltemp għall-ibliet ta Sydney u Brisbane.
L-Istati ta’ Victoria, New South Wales u Queensland, fl-aħħar jiem, għaddew minn xita qawwija u anki għargħar li ġab ftit tan-nifs liz-zoni li kienu ilhom il-ġimgħat iddominati mill-fjammi.
Madankollu, l-irwiefen anki qajjmu d-dħaħen kbar tat-trab li ffurmaw mantel griż fuq bliet bħal Orange u Dubbo, fi New South Wales.
Għexieren ta’ komunitajiet madwar ir-reġjuni Awstraljani tax-xlokk għadhom qed jikkalkulaw l-effetti tan-nirien qalb foresta li huma mfissra bħala l-aktar nirien distruttivi kemm ilhom jinżammu r-rekords.
Minn Settembru ‘il hawn, in-nirien tal-Awstralja qatlu talanqas 30 persuna, minbarra li qerdu ‘il fuq minn 2,000 dar flimkien ma’ għaxar miljun ettari ta’ art. Dan meta z-zona tal-qerda partikulari — bħala daqs — fiha daqs il-pajjiż kollu tal-Ingilterra.
//= $special ?>