Fid-dawl tal-iżviluppi tal-aħħar jiem, u r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex, jidher li l-Prim Ministru Robert Abela qed ilaqqa’ numru ta’ Ministri.
Fl-aħħar ħin id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne intlemaħ ħiereġ minn Kastilja, bil-Prim Ministru joħroġ ftit tal-minuti warajh.

Intant il-Kabinett għandu laqgħa skedata b’mod normali għal għada, iżda issa jidher li b’mod urġenti qed tkun diskussa l-pożizzjoni tal-Ministru għall-Għawdex.

Filfatt, fis-sigħat li ġejjin mistenni jitħabbar min se jkun is-suċċessur ta’ Justyne Caruana.

Dan wara li ġew żvelati r-rabtiet mill-qrib bejn ir-raġel tal-eks Ministru għall-Għawdex, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, u n-negozjant Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl ta’ dan kollu, mistoqsi minn Net News lil min se jgħaddi l-Ministeru t’Għawdex, il-Prim Ministru ma riedx iwieġeb, u qal biss li din tibqa’ prerogattiva tiegħu.
//= $special ?>

