Internazzjonali

Ċina: Żieda fl-infettati bil-virus ġdid li qed jinfirex ‘il hinn minn Wuhan

L-ammonti tan-nies infettati minn virus ġdid li ġedded memorji tal-epidemija SARS kiber ‘bi tliet darbiet’ fi tmiem il-ġimgħa — bl-effetti tal-mikrobu jinfirxu ‘il hinn mill-belt ta’ Wuhan lejn bliet Ċiniżi oħra.

L-awtoritajiet f’Wuhan (belt ta’ 11-il miljun resident) irrappurtaw 136 każ ġdid tal-marda li tattakka lis-sistema tan-nifs, waqt li feġġew numru żgħir ta’ każi fil-belt kapitali ta’ Beijing u fil-belt ta’ Shenzhen. Sa minn tmiem il-ġimgħa, is-sorsi f’Wuhan qalu li mal-170 persuna f’din il-belt kienu qed jingħataw it-trattament għall-virus fl-isptar u li talanqas disa’ kienu dikjarati ‘f’kundizzjoni kritika’.

Mistenni li l-awtoritajiet tas-saħħa jirrappurtaw aktar każi tal-virus fis-sigħat u l-jiem li ġejjin, bin-numru tal-infezzjonijiet ikkonfermat issa jaqbeż il-200. Dan meta (s’issa) mietu tlieta mill-persuni infettati.

Iż-żieda allarmanti fil-każi tal-virus seħħet meta miljuni ta’ Ċiniżi qegħdin iħejju biex jivvjaġġaw lejn diversi bnadi tal-pajjiż għall-vaganzi tas-Sena Ġdida Lunari.

L-uffiċjali tas-saħħa identifikaw din l-infezzjoni ġdida – li dehret għall-ewwel darba f’Diċembru fl-inħawi ta’ Wuhan – bħala element ta’ coronavirus li jattakka l-pulmun b’impatt simili għall-pneumonia. Intant, hemm ħafna aspetti oħra tal-virus li għadhom mhumiex magħrufin.

Filwaqt li jaħsbu li l-epidemija oriġinat minn xi suq lokali, l-uffiċjali u x-xjenzati għad iridu jiddeterminaw il-mod kif qed jinfirex il-virus.

Sadanittant, il-Korea t’Isfel irrappurtat l-ewwel każ ta’ dan il-virus ġdid – wara li kienu għamlu l-istess it-Tajlandja u l-Ġappun.

Dan meta l-osservaturi mhumiex jeskludu similaritajiet mal-virus tas-SARS ( ukoll coronavirus) li fil-bidu tas-snin 2000 kien qatel 774 persuna madwar għexieren ta’ pajjiżi – fil-parti kbira Asjatiċi. L-analiżi tal-għeruq ġenetiku tal-virus ġdid qed turi, intant, li dan hu aktar relatat mill-qrib mas-SARS milli għal xi coronavirus ieħor li jaffettwa lill-bniedem.

Sadanittant, l-esperti fir-Renju Unit qalu li l-ammont ta’ persuni infettati bil-virus ġdid ( fiċ-Ċina u bnadi oħra tal-Asja) kapaċi jkun bil-wisq akbar milli jissuġġerixxu ċ-ċifri uffiċjali. Fil-fatt, mhux eskluż li l-każi ta’ infezzjonijiet huma ( s’issa) ‘qrib l-1,700’.