Lokali Parlament

Għandha tingħata għajnuna lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lid-deputati biex jiskrutinizzaw il-Gvern

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius appella lill-Gvern biex jingħataw il-fondi neċessarji lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lid-deputati biex iwettqu l-ħidma tagħhom ta’ skrutinju fuq il-gvern.

Fiul-parlament David Agius qal li l-Oppożizzjoni oġġezzjonat għar-Rapport Finanzjarju tal-Parlament għall-2020 għaliex il-gvern ma riedx jiddiskutieh. Hu sostna li l-gvern ma jridx jagħti fondi lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ikollu l-assistenza fir-riċerka u l-assistenza meħtieġa fil-ħidma tiegħu.

L-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun b’saħħtu daqs l-Uffiċċju tal-Ispeaker u tal-President u daqs tas-26 ministru li għadu kif ħatar il-Prim Ministru. Il-pilastri tad-demokrazija għandhom jiffunzjonaw kif jixraq billi jingħataw il-fondi meħtieġa.

Il-Viċi-Kap tal-PN espriema tama li l-Kabinet il-ġdid ikun ta’ ġid għall-pajjiż u sostna li l-Kabinett għandu l-għajnuna kollha mħallsa mit-taxxi tal-poplu. Bl-istess mod il-gvern ma jistax ma jgħinx lill-Oppożizzjoni biex twettaq l-iskrutinju meħtieġ. Hu kompla li l-Oppożizzjoni u anki d-deputati kollha m’għandhom l-ebda riżorsa bei iwettqu l-iskrutinju politiku tagħhom. Id-demokrazija għandha tissaħħaħ billi l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż ikollha r-riżorsi meħtieġa biex ma jkunx hemm iktar prim ministri u ministri li jirriżenjaw.

David Agius ta dettalji tar-riżorsi mifruxa li għandu l-Uffiċċju tal-Ispeaker waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu biss xufier wieħed u xejn iktar. Hu appella lill-Ispeaker biex jitkellem u jiddikjara li l-pjan finanzjarju għall-2020 ma jinkludi xejn għad-deputati u għall-Kap tal-Oppożizzjoni. David Agius appella lill-Gvern biex jibda diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni biex ikun hemm ħidma iktar koordinata.

L-Ispeaker m’għandux jiddejjaq jipproponi t-triq ‘il quddiem, sostna David Agius, li kompla li l-gvern waħdu ma jistax jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet fosthom dwar il-fondi li għandu jkollha l-Oppożizzjoni. David Agius kompla li d-demokrazija ma tistax tistenna inkella l-pajjiż jerġa’ jgħaddi minn dak li għadda llum.

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li d-demokrazija ma tissaħħaħx sempliċiment għax jitkabbar il-Kabinett, għax jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija inkella għax jinħatar Kummissarju ġdid bla konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. Il-PN diġà ħareġ dokument dwar il-finanzjament tal-parlament u tal-partiti. Hu qal li anki l-partiti ż-żgħar għandhom ikunu mgħejjuna.

David Agius appella lill-Prim Ministru biex ma jħallix lil min iġelldu mal-Oppożizzjoni fil-bidu tal-ħatra tiegħu u biex jieħu t-tgħalimiet mill-kaos li ħalla warajh Joseph Muscat. Hu appella biex il-gvern jiddiskuti mal-Oppożizzjoni dwar jekk l-għajnuna għandhiex tingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni biss jew inkella lid-deputati kollha. Il-Gvern ilu jaf il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni iżda ma tkellimx magħha. Il-pjan finanzjarju tal-parlament għandu jkun emendat, sostna David Agius, li kompla li minkejja li ma tingħatax riżorsi l-Oppożizzjoni qed tippubblika diversi dokumenti fosthom il-Pre-Budget Document.

David Agius semma’ l-insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni li wasslet biex ir-rapport Egrant ikun pubblikat li minnu rriżulta kif nies fl-awtorità ma ħadux il-passi meħtieġa fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija li m’għamilx l-investigazzjonijiet meħtieġa. Dan juri kemm hi importanti l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Gvern ma jisatx jgħid li jrid jaqta’ l-kuntatti tal-politiċi man-negozjanti l-kbar u fl-istess waqt ma jgħinx lill-Oppożizzjoni.

Il-pjan finanzjarju għall-parlament għall-2020 ma jinkludx l-assistenza għad-deputati u għall-Kap tal-Oppożizzjoni, sostna David Agius, li nsista li l-Kap tal-Oppożizzjoni u d-deputati jingħataw l-assistenza meħtieġa biex ikun hemm skrutinju fuq il-gvern. Il-PN ippubblika diversi proposti li għandhom ikunu ikkunsidrati mill-Gvern, sostna David Agius.