- Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-istil u l-mod kif jinbnew id-djar f’Malta qed iġib stress kbir fil-familji Maltin u sostna li l-proġett ta’ 118-il appartament li l-gvern qed jippjana fil-Fgura se jikkaġunaw problemi kbar.
Fl-Aġġornament tal-parlament Ivan Bartolo tkellem dwar is-sinifikat ta’ komunità u tas-solidarjetà u dwar is-sinifikat tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Hu qal li l-anzjani m’għandhomx jitħallew weħidhom jgħixu iżda għandu jkun hemm is-servizzi neċessarji biex ma jkunux weħidhom. Importanti ħafna li fil-parlament ma jkunx hemm biss negattività iżda jkun hemm stejjer pożittivi ta’ valuri u prinċiji li Malta jixirqilha.
Hu tkellem dwar il-grad ta’ mobilità li jagħti sens lill-familji Maltin fosthom l-ippjanar tad-djar. L-istress qed jeqred diversi persuni fosthom minħabba l-mod kif qed jibni, l-ogħli tal-bini u l-istil tad-djar. Sfida oħra li hemm fis-soċjetà hi li ħafna familji barranin għadhom ma jafux ir-regoli tal-komunitajiet Maltin, fosthom fil-ħinijiet li jinħareġ l-iskart.
Id-dritt li l-komunitajiet jgħixu fil-paċi u l-kumditajiet għandhom ikunu garantiti. Is-sens ta’ privatezza fid-djar qed jintilef minħabba ċ-ċokon tad-djar li qed jinbnew u l-mod kif dawn qed jinbnew fuq xulxin. Dan hu riżultat meta jsiru proġetti bla pjan, meta l-flus isiru l-alla tal-bniedem u meta jkun hawn il-korruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li ħaddieħor ikun qed ibatu deċiżjonijiet ta’ ġirien li jkunu bla kuxjenza. Hu qal li l-gvern se jwettaq proġett ta’ €10 miljuni fil-Fgura biex jilħaq persuni li ma jifilħux jixtru jew jikru propetà bil-prezzijiet tas-suq anki jekk dawn jistgħu jaffordjaw il-kirjiet iżda qed ibatu minħabba s-suq.
Dawn il-persuni m’humiex fuq il-lista ta’ stennija iżda l-gvern se jaħseb għalihom b’dan il-proġett ta’ 118-il appartament fil-Fgura. Dan se jsir fuq sit li kien diġà immarkat għal bini soċjali. Il-gvern għamel żball li ħabbar dan il-permess li għadu ma permess.
Ivna Bartolo qal li l-problema hi li ma saritx laqgħa pubblika u għalhekk m’hemmx solidarjetà bil-gvern jibqa’ għaddej minn fuq il-komunità. Ir-residenti tal-Fgura huma frustrati li qed jindifnu ħajjin b’dan il-proġett. Sakemm tħabbar il-proġett, il-membri tal-kunsill lokali lanqas kien informat b’dan il-proġett. Il-gvern qed juri nuqqas ta’ pjan u nesa l-laqgħat ta’ ‘Gvern Li Jisma”. Il-Gvern qed jibgħat messaġġ li min ma jiflaħx iħallas se jmur f’din iż-żona fil-Fgura; l-istess kif kien ġara fil-Kottonera fil-passat.
Ivan Bartolo qal lir-residenti tal-Fgura jridu iktar spazji meħtieġa fejn jilgħabu uliedhom. Hu semma’ l-isfidi li jaffrontaw it-tfal tal-Marsa propju minħabba s-sitwazzjoni li hemm u qal li għandu jkun hemm Fgura solidali. Din iż-żona ma tiflaħx għal binja ta’ 118-il appartament anki minħabba l-problemi oħra li se jinħolqu fosthom tat-traffiku fiż-żona ‘Tal-Patri’. Se jkun hemm diffikultajiet anki minħabba l-arja iktar maħmuġa li se tinħoloq fil-Fgura, sostna Iaan Bartolo.
//= $special ?>