Il-parlament sellem il-memorja ta' Salvu Vassallo, missier id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, bl-istess deputat Nazzjonalista jesprimi d-dispjaċir tiegħu li propju fil-ħin tal-funeral ta'missieru l-Gvern kien għamel dibattitu parlamentari.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ta l-kondoljanzi f'isem il-Gvern lid-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo għall-mewt ta' missieru Salvu Vassallo li miet fl-età ta' 95 sena.
Hu qal li din kienet telfa profonda għall-familja Vassallo u spjega kif Salvu Vassallo kien negozjant żgħir li ħadem biex kabbar in-negozju tiegħu. Bla dubju li Salvu Vassallo ħalla memorja u impenn ta' negozju u għadda valuri sodi lil uliedu, sostna d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hu ltaqa' diversi drabi ma' Salvu Vassallo u sostna li Salvu Vassallo għex il-ħajja ta' familja bil-qafas tal-familji tipiċi Maltin.
Il-valuri tal-għożża tal-familja flimken mal-esperjenza tax-xogħol kienu prijorità għal-Salvu Vasslo, sostna Adrian Delia, li kompla li dak li kien jgħid Salvu Vassallo kellu piż għaliex kien jisma' ħafna u jitkellem ftit.
Dan kien il-kobor ta' Salvu Vassallo fil-valuri li hu kien jemmen fihom, sostna Adrian Delia. Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li missieru kien l-ewwel politiku li rabbieh biex hu jkun milli hu llum; is-silenzju tiegħu kien jagħmel iktar ħoss minn dak li jagħmel min jitkellem ħafna.
Edwin Vassallo kompla li l-parlament iddeċieda li jagħmel seduta fil-funeral ta' missieru meta ma kienx hemm urġenza. Din hi xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel, sostna Edwin Vassallo, li espriema rabja, dispjaċir u maħfra u appella biex l-affarjiet ma jsirux kif saru.
Hu qal li ħin ta' funeral ta' deputat għandu jkun meqjus biex jintwera l-veru rispett propju fil-ħin tal-prova. Edwin Vassallo qal li missieru kien itih il-kuraġġ lejn dak li jemmen fih u biex jibqa' dejjem leali lejn is-superjuri tiegħu.
Missieri kien bniedem sempliċi, bejjiegħ fuq il-monti; bniedem żgħir li jgħin lin-nies, sostna Edwin Vassallo, li appella biex l-ordnijiet tal-Kamra jagħtu prijorità meta jkun hemm funerali bħal ta' missieru. Jalla dik l-esperjenza m jgħixha ħadd, sostna Edwin Vassallo.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien jaf lil Salvu Vassallo u qal li Salvu Vassallo kien ġentlom u bnedem ta' valuri bil-familja tiġi prijorità.
//= $special ?>