Sport Waterpolo

In-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-man-ups determinanti fit-telfa kontra s-Slovakkja

Rapport: Stewart Said

SLOVAKKJA………. 8

MALTA……………… 4

 (3-1), (2-1), (1-2), (2-0)

It-tim Malti wettaq reazzjoni wara l-umiljazzjoni kontra l-Ungerija iżda ma kienx biżżejjed biex jirbaħ kontra s-Slovakkja u b’hekk se jilgħab biex jipprova jtemm fil-15-il post. Kollox ma’ kollox kienet prestazzjoni sodisfaċenti iżda determinanti kienu n-nuqqasijiet f’sitwazzjonijiet ta’ raġel aktar hekk kif minn tmien okkażjonijiet ġie skorjat biss gowl.

Prestazzjoni pożittiva fosthom għall-captain Stevie Camilleri li mhux biss skorja l-gowls Maltin iżda kien tajjeb ukoll fid-difiża filwaqt li beda jsib postu fl-attakk minkejja li kien immarkat strettament. Fid-difiża t-tim Malti ddefenda tajjeb, b’Nicky Grixti jkollu logħba tajba fil-lasta. Fl-attakk il-plejers Maltin bdew jirnexxilhom iġibu t-tkeċċijiet iżda ma bdewx ikunu preċiżi quddiem il-lasta u jdawru l-ballun malajr.

Din kienet it-tielet darba li Malta lagħbet kontra s-Slovakkja fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Fl-2016 f’Belgrad, Malta kienet megħluba 17-9 u sena u nofs ilu f’Barcelona, Malta tilfet ukoll f’din il-fażi bl-iskor ta’ 11-6.

Fl-ewwel sessjoni t-tim Malti qasam il-logħob mal-avversarji, bid-differenza li t-tim Slovakk kien aktar dirett fil-lasta Maltija. Juraj Zatovic fetaħ l-iskor minn pożizzjoni ċentrali iżda fl-azzjoni ta’ wara Stevie Camilleri ġab id-draw b’konklużjoni preċiża għar-rokna. Marek Molnar reġa’ poġġa lis-Slovakkja fil-vantaġġ u wara li ż-żewġ timijiet fallew man-up, Juraj Zatovic għamel l-iskor 3-1 lejn it-tmiem minn pożizzjoni ideali.

Il-prestazzjoni tat-tim Malti fit-tieni sessjoni ma kinitx negattiva u baqa’ fil-logħba. Iżda fatt negattiv kien li ma ġiex skorjat gowl minn tliet okkażjonijiet ta’ man-up f’din is-sessjoni. Stevie Camilleri kien għamel l-iskor parzjali 4-2 minn penalty wara li Samuel Balaz kien skorja r-raba’ gowl Slovakk minn kontrattakk. Maros Tkac għamilhom 5-2 fl-aħħar minuta tas-sessjoni.

L-għan tat-tim Malti fit-tielet sessjoni kien li jibqa’ fil-logħba bl-għan li jipprova jirbaħ il-konfront fl-aħħar sessjoni. Dan seħħ għaliex wara li Juraj Zatovic għamel l-iskor 6-2 mis-sitt metri, Stevie Camilleri skorja darbtejn fl-aħħar minuta u nofs. Il-captain Malti skorja darbtejn minn pożizzjoni tipika tiegħu fiċ-ċentru, b’okkażjoni minnhom minn man-up biex it-tim Malti beda l-aħħar sessjoni bi żvantaġġ biss ta’ żewġ gowls.

Iżda sfortunatament is-Slovakki għalqu l-logħba b’gowl ta’ Juraj Zatovic fl-ewwel attakk tal-aħħar sessjoni u Martin Kolarik kabbar il-vantaġġ minuta u nofs wara. Fl-aħħar minuti l-plejers Maltin pruvaw inaqqsu d-distakk, iżda filwaqt li fid-difiża kienu tajbin bl-għajnuna tal-gowlkiper Nicky Grixti, ma rnexxielhomx isibu x-xibka.

Slovakkja: T. Hoferica, M. Caraj, J. Zatovic (4), A. Furman, A. Mitruk, M. Molnar (1), M. Tkac (1), T. Bielik, A. Kovacik, M. Kolarik (1), S. Balaz (1), L. Kozmer

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta, A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit, S. Camilleri (4), J. Camilleri, J. Abela, A. Cousin, B. Plumpton, Di. Zammit, A. Borg Cole

Referees: Adrian Alexandrescu (Rumanija), Gyorgy Kun (Ungerija)