Futbol Sport

Kosoric se jħalli lil Balzan u jirritorna ma’ FK Zeljeznicar

(Ritratt: Joseph Galea)

L-esperjenza ta’ Aleksandar Kosoric f’pajjiżna se tintemm hekk kif Balzan approvaw it-trasferiment ma’ FK Zeljeznicar li hu wieħed mill-klabbs ewlenin fil-Bożnija. Wieħed irid jara jekk Balzan hux se jinvolvu ruħhom għal sostitut, hekk kif fil-preżent għandhom lil Augustine Loof, Michael Johnson, Samir Arab u Nenad Sljivic li jistgħu jilagħbu f’dik il-pożizzjoni.

Kosoric ingħaqad ma’ Balzan f’Jannar tas-sena li għaddiet u kiseb post regolari fil-qalba tad-difiża bi prestazzjonijiet konvinċenti. Hu kien parti mit-tim ta’ Balzan li rebaħ l-ewwel unur maġġuri fl-istorja bir-rebħ tal-FA Trophy.

Kosoric li għandu 32 sena, b’hekk se jirritorna f’pajjiżu mal-klabb li lagħab miegħu bejn l-2014 u l-2017. Inċidentalment FK Zeljeznicar kien lagħab kontra Balzan fl-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League fl-istaġun 2015/16, f’dik li kienet l-ewwel esperjenza Ewropea għal Balzan.

SENGLEA – It-trasferiment ta’ Marcelo Dias ma’ Floriana mhux mistenni jsir hekk kif Senglea Athletic mhumiex lesti li jitilfu wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim. Replay hu nfurmat li l-plejer xtaq li t-trasferiment iseħħ iżda l-laqgħat bejn u l-kumitat tal-Isla waslu biex se jibqa’ mal-klabb.

Dias ingħaqad ma’ Senglea fil-bidu ta’ dan l-istaġun wara esperjenza twila ma’ Hibernians. Hu kien utilizzat mid-Direttur Tekniku preċedenti Mario Muscat kemm fin-naħa leminija tad-difiża kif ukoll xi drabi mal-linja fl-attakk, bil-kowċ il-ġdid Giorgio Roselli wkoll jutilizzah mill-bidu. Floriana mistennija jiffukaw fuq objettivi oħra li jistgħu jkunu utli għalihom mal-linji. Probabbilment l-għażla tkun fuq plejer barrani.

Tags