Lokali

L-Oppożizzjoni b’liġi dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Illum wara nofisinhar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat abbozz ta’ liġi lill-iskrivan tal-Kamra li permezz tiegħu qed jiġi propost tibdil fil-liġi u l-kostituzzzjoni dwar il-mod kif għandu jibda jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq għal diversi xhur illi wasal iż-żmien illi l-ħatra u t-tneħħija ta’ Kummissarju tal-Pulziija għandhom jibdew isiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ  terzi tal-Kamra tad-Deputati.

Din il-proposta qed issir għaliex, huwa aktar minn evidenti issa li s-sistema preżenti qiegħda tiġi abbużata mill-Gvern preżenti fejn għal darba wara oħra fi spazju ta’ sitt snin ġew innominati numru ta’ persuni sabiex jokkupaw din il-kariga li ma kinux kompetenti, ma kinux idoneji għal din il-ħatra u fuq kollox spiċċaw pupazzi f’idejn il-Prim Ministru li innominahom.

L-aktar eżempju lampanti ta’ dan l-abbuż kien il-ħatra tal-Kummisarju Lawrence Cutajar, li issa donnu huwa aċċettat minn kulħadd, ankè mill-Prim Minisitru tal-lum li kien inkompetenti, u wera nuqqas ta’ dover tiegħu meta ra li investigazzjonijiet kriminali li kellhom isiru ma sarux u saħansitra ħalla jiġu ippreġudikati każijiet serji ta’ kriminalità fosthom il-każ ta’ assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen illi issa saret ħsara biżżejjed lill-pajjiżna. Wasal iż-żmien illi tinbidel il-liġi sabiex nassiguraw illi kull kummissarju tal-pulziija minn issa ‘l quddiem jkollu l-fiduċja ta’ mill-inqas żewġ terzi tar-rappreżentanti tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex issa mill-kliem sabiħ jgħaddi għall-fatti u jara li din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tiġi approvata mill-Parlament Malti fl-iqsar żmien possibbli sabiex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tibda tinkiseb lura, u fuq kollox sabiex il-Korp tal-Pulizija jerġa’ jibda jgawdi l-fiduċja tal-poplu.

Inħeġġu lill-Gvern biex ma jħallix dan l-abbozz ta’ liġi fuq l-ixkaffa, iżda jara li tidħol fl-aġenda Parlamentari malajr kemm jista’ jkun, hekk kif tkun ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

L-Oppożizzjoni lesta tiddiskuti dan l-abbozz ta’ liġi ankè l-ġimgħa d-dieħla stess.

L-abbozz ta’ liġi kien iffirmat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Onor. David Agius, l-Onor. Jason Azzopardi, l-Onor. Beppe Fenech Adami, l-Onor. Chris Said, l-Onor. Karol Aquilina u l-Onor. Robert Cutajar.