Lokali

Laqgħa bejn Keith Schembri u Neville Gafa’ fit-Tuneżija?

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dalgħodu siefer lejn it-Tuneżija.

Sostna dan l-avukat tal-familja Caruana Galizia u d-Deputat Jason Azzopardi fejn qal ukoll li Neville Gafa’ eks impjegat ta’ Kastilja tela’ t-Tuneżija lbieraħ.

Net News hu nfurmat li t-titjira tal-Air Malta li qed jirreferi għaliha Jason Azzopardi telqet mill-Ajruport Internazzjonali Malti fil-5:25am u waslet Tuniż madwar sagħtejn wara.

Minkejja li Schembri jinsab taħt investigazzjoni mill-Pulizija ta’ Malta,
għall-kontra ta’ dak li jiġri f’sitwazzjonijiet normali hu qed jitħalla joħroġ mill-pajjiż. Filfatt dan huwa t-tieni pajjiż li hu se jżur minn kemm ilu jiġu investigat.

Filwaqt li Schembri ma jinsabx taħt arrest tal-pulizija, l-Ispettur Keith Arnaud ikkonferma taħt ġurament li għadu taħt investigazzjoni għall-involviment potenzjali tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien ma’ iktar allegazzjonijiet fosthom; tbagħbis ta’ evidenza, u xogħol fantasma għal middleman Melvin Theuma.

Arnaud xehed ukoll li Schembri ddikjara li tilef il-mowbajl tiegħu l-lejl ta’ qabel l-arrest tiegħu, u s’issa ma kienux kapaċi jsibuh. Schembri rrifjuta wkoll li jagħti l-passwords tiegħu lill-pulizija.

Sadanittant, l-uffiċċju ta’ Schembri fil-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista għadu qed jiġi mfittex, filwaqt li l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja tħalla mingħajr sorveljanza u fih saru tfittxijiet għaxart ijiem wara l-arrest tiegħu.