Il-milizji leali għas-sinjur-tal-gwerra Libjan, Khalifa Haftar, ibbumbardjaw l-inħawi tal-kapitali Tripli fejn kisru l-waqfien mill-ġlied ta’ wara l-Konferenza Internazzjonali tal-Ġermanja li trattat is-sitwazzjoni fil-Libja.
Iz-zoni ta’ Tripli damu jidwu mill-ħsejjes tal-isplużjonijiet wara s-Summit ta’ Berlin ( nhar il-Ħadd) li sar bil-ħsieb li jixpruna ftehim għal waqfien mill-ġlied permanenti u biex jittieħdu l-ewwel passi konkreti lejn process politiku fil-Libja.
Sorsi qrib il-Gvern Libjan tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj ( li hu rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti) sostnew li l-milizji ‘ta’ Haftar’ qabdu u sparaw, għall-għarrieda, il-balal tal-mortars lejn ir-reġjun ta’ Salah al-Din, lejn in-nofsinar ta’ Tripli.
Ingħad ukoll li l-qawwiet ta’ Haftar a attakkaw l-inħawi ta’ Al Halatat waqt li l-entitajiet Libjani avversarji u l-mexxejja tal-komunità internazzjonali kienu qed jiddiskutu l-Libja f’Berlin. Dan meta komplew il-waqtiet tal-isparar fin-naħa t’isfel ta’ Tripli minfejn dehru telgħin is-sħab suwed.
Il-parteċipanti għall-Konferenza ta’ Berlin li ddiskutew il-kriżi Libjana qablu li jirrispettaw embargo tan-NU fuq l-armi lejn dan il-pajjiż. Sar ukoll qbil biex jieqaf l-appoġġ militari għall-qawwiet Libjani rivali ta’ Sarraj u Haftar.
Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qed jenfasizza l-ħtieġa għal waqfien mill-ġlied li jkun rispettat minn kulħadd fil-Libja. Dan meta r-rappreżentanti kollha għas-Summit qablu li jappoġġaw il-ftehim. Guterres insista li ma jista’ ikun hemm l-ebda soluzzjoni militari fil-Libja u, waqt li tkellem dwar il-ħtieġa ta’ moniteraġġ, fakkar li ‘il-partijiet kollha impenjaw ruħhom biex iżommu lura minn intervent militari fl-artijiet Libjani’.
//= $special ?>