Lokali

Minn GRTU għal Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Dehra friska u ġdida għal Assoċċjazzjoni li ilha taħdem man-negozji Maltin għal 70 sena

Dik li konna nafuha bħala l-GRTU – General Retailer and Trader’ Union, minn issa ‘l quddiem se tkun qed tissejjaħ il-Malta Chamber of SMEs, jew il-Kamra tan-Negozji Żgħar u medji.

Dan ħabbritu f’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet fejn ġew elenkati wkoll għadd ta’ inizjattivi ġodda li qed tnedi l-istess Kamra biex tkompli tgħin u ssaħħaħ in-negozji f’pajjiżna

Waħda mill-inizzjattivi l-ġodda se tkun il-Face of Maltese Business – inizjattiva intiża biex tagħti immaġni aktar pożittiva tan-negozji Maltin, hekk kif skont il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-Kamra, Abigail Mamo, l-immaġna tan-negozji f’Malta, qatt ma kienet daqsekk negattiva.

Il-konferenza ġiet imsejħa biex tħabbar propju din il-bidla li mhix biss bidla fl-isem iżda hija bidla li qed tagħti identità ġdida lil din l-organzzazzjoni filwaqt li żżomm l-istess spirtu.

Il–Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo spjegat li l-organzziazzjoni se tkun qed tespandi s-servizzi tagħha billi tgħin lin-negozji jiksbu aktar fondi mill-UE, billi torganizza aktar attivitajiet ta’ networking bejn in-negozji, toffri aktar aċċess għal teknoloġiji ġodda u għall-intelliġenza artifiċjali,  u tgħin lin-negozji jsibu metodi ta’ għajnuna għall-investiment tagħhom.

Il-President tal-Kamra Paul Abela minn naħa tiegħu qal li huwa d-dmir tal-Malta Chamber of SMEs li tħares mhux biss l-interess tal membri imma anke l-interess nazzjonali, filwaqt li tibqa’ voċifera meta jkun hemm kwistjonijiet partikolari, bħall-instabiltà tal-aħħar żmien.

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tirrappreżenta u taħdem ma’ għadd kbir ta’ negożji żgħar li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Negozji li evolvew mas-snin, u kien għalhekk li l-Kamra ħasset il-ħtieġa li tagħmel eżerċizzju fl-aħħar xhur li wassal għal deċiżjonijet dwar kif l-istess assoċċjazzjoni tista’ taġġorna ruħha.

Kien dan li wassal għal bidla mhux biss kożmetika iżda li verament taġġornaha bħala assoċċjazzjoni li dejjem baqgħet kredibbli u li tkompli tagħti appoġġ sħiħ u opportunitajiet ġodda lis-settur diversi tan-negozju f’pajjiżna, minn childcare centres, għal djar tal-anzjani, minn kumpaniji tal-konsulenzi għal operaturi fis-settur finanzjarju, u ħafna oħrajn.