Futbol Sport

Rappreżentanti mill-Akkademja ta’ Benfica se jżuru l-Akkademja ta’ Qormi

Bejn il-25 u d-29 ta’ Jannar, id-Direttur Tekniku Vasco Monteiro u d-Delegat Tiago Silva mill-Akkademja ta’ SL Benfica se jkunu f’pajjiżna. Dan wara stedina li saret mid-Direttur Tekniku ta’ Qormi FC Youth Academy Antoine Camilleri.

Waqt iż-żjara tagħhom, flimkien ma’ Camilleri, iż-żewġ uffiċjali li jiffurmaw parti mill-Programm Speċjalizzat Sportiv tal-klabb Portugiż, se jaraw il-possibbiltajiet biex il-plejers Qriema jipparteċipaw fi programmi internazzjonali ta’ Benfica li jsiru fil-Campus majestuż tagħhom. F’dawn il-programmi organizzati, it-timijiet u plejers ta’ Qormi FC Youth Academy se jkollhom iċ-ċans li jkollhom sessjonijiet direttament mal-kowċis tal-Akkademja ta’ Benfica.

F’dawn il-jiem impenjattivi, Antoine Camilleri fl-irwol ta’ Direttur Tekniku u r-rappreżentanti ta’ Benfica, mistennija jiddiskutu biex il-kowċis ta’ Qormi jipparteċipaw fil-programm ta’ edukazzjoni li jorganizza l-klabb. Dan il-programm idum ġimgħa u jekk iseħħ, żgur li se jkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-kowċis ta’ Qormi.

Il-klabb ta’ Benfica hu l-aktar wieħed ta’ suċċess fil-Portugall b’total ta’ 79 unur. Huma rebħu l-kampjonat Portugiż 36 darba kif ukoll it-Tazza Portugiża għal 26 darba. Dan minbarra li kienu Champions tal-Ewropa darbtejn. Fl-aħħar snin għamlu żvilupp sostanzjali fiċ-Ċentru ta’ taħriġ tagħhom bl-isem ta’ Caixa Futebol Campus.

F’dan il-post jitħarrġu ż-żewġ timijiet professjonali u t-timijiet tal-akkademja. Iċ-Ċentru Sportiv għandu disa’ pitches, tal-futbol, 86 kamra tas-sodda, tlett kmamar ta’ terapija u tliet gymnasiums. L-akkademja tal-klabb tinkludi tmien timijiet u 57 membru tal-istaff tekniku li jgħinu lit-total ta’ 207 plejers biex jiżviluppaw it-talent tagħhom.

Wieħed mill-għanijiet tal-klabb hu li jipprovdu lit-timijiet tagħhom bl-aħħar apparat tekniku. L-analiżi li jsiru jgħinu biex isir taħriġ apposta filwaqt li jiġi żviluppat l-istil ta’ logħob tal-klabb. Dan minbarra investiment fix-xjenza u l-mediċina sportiva b’laboratorji apposti, l-aspett edukattiv u soċjali. Benfica rebħu l-unur tal-Aqwa Akkademja fid-Dinja fl-2015 u fl-2019.

Tags