a
Il-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex, ammetta li ‘ma kellux għażla ħlief li jwarrab’ bħala rappreżentant ewlieni tal-Familja Rjali Britannika. Dan filwaqt li fisser din id-deċiżjoni storika tiegħu u ma’ martu Meghan, bħala ‘qabża fid-dlam’.
Harry sostna li hu u Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, sa ftit ilu kienu qed jittamaw li jkomplu jservi lir-Reġina mingħajr ma jiddependu fuq il-fondi pubbliċi, iżda dan ma kienx possibbli.
Id-Duka ta’ Sussex kien qed jispjega l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel diskors mindu hu u d-Dukessa stqarrew li riedu jwarrbu mix-xogħol full-time bħala membri ewlenin attivi tal-Familja Rjali. Hu kompla li ‘ma’ Meghan sab il-ferħ u l-kuntentizza fil-ħajja privata’ waqt li enfasizza li ‘huma mhumiex qegħdin jagħtu darhom lir-Renju Unit’. Harry insista li r-Renju Unit hu d-dar tiegħu u ‘dan il-fatt mhu se jinbidel qatt’.
F’dan id-diskors il-Prinċep għamilha ċara li ‘se jkollu dejjem rispett kbir għal nanntu, ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra u l-Kap kmandant tiegħu’ u li hu, issa, qiegħed jaċċetta r-realtà ġdida.
Jiem wara li Harry u Meghan qalu li riedu jieħdu pass lura bħala membri ewlenin tal-Familja Rjali (u jaħdmu biex isiru ‘finanzjarjament indipendenti’) il-Palazz ta’ Buckingham ħabbar li d-Duka u d-Dukessa, mir-rebbiegħa, mhumiex s jkomplu jużaw it-titli His/Her Royal Highness. Intant, Harry u Meghan se jirtiraw mid-doveri rjali li (għal Harry) jinkludu d-doveri relatati mal-militar li darba kien jifforma parti minnu.
Sadattant – u għalkemm mhumiex se jirrappreżentaw aktar lill-monarkija f’kapaċità formali – Harry u Meghan se jibqgħu il-padruni tal-kawżi u l-assoċjazzjonijiet privati tagħhom.
Il-Prinċep Harry u Meghan it-tnejn tkellmu dwar id-diffikultajiet tal-ħajja rjali u l-pressjoni tal-midja – b’Harry itenni l-biża’ li martu setgħet tispiċċa vittma ‘tal-istess entitajiet b’saħħithom u influwenti li kienu wasslu għall-mewt ta’ ommu’, il-mibkija Prinċipessa Diana ta’ Wales.
//= $special ?>