Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal mara li feriet lil ġara wara argument fuq raġel

Mara minn Ħal Qormi ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabet ħatja li feriet lil ġara tagħha b’mus wara argument li seħħ fuq raġel. Il-każ seħħ kważi sitt snin ilu fejn minbarra s-sentenza sospiża l-mara kellha l-liċenzja tas-sewqan tagħha sospiża għall-perjodu ta’ tliet xhur.

Ramona Magri ta’ 36 sena nstabet ħatja li fis-6 ta’ Awwissu, tal-2014 għall-ħabta tad-9.30pm fi Triq San Bastjan, f’Ħal Qormi kkaġunat ferita gravi u oħrajn ħfief fuq Wendy Gauci. Ħareġ li huma kienu ħbieb iżda kien hemm biss problema bejn Gauci u oħta Magri, għaliex din kellha relazzjoni mar-raġel tagħha.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet il-provi f’dan il-każ fejn Magri qalet li fil-ġurnata tal-inċident, hija pparkjat fejn cafeteria fejn kien hemm binha riekeb fis-seat ta’ wara.

F’mument minnhom, qalet li Gauci attakkata b’kanna, fejn spiċċat biex kissritilha l-ħġieġa ta’ wara, fejn binha kienet qiegħed. Hija rriversjat il-karozza u laqtet il-bankina, u wara marret l-Għassa tal-Pulizija biex tagħmel rapport.

Madankollu Gauci xehdet ukoll li l-argument kien beda ġimgħa qabel, meta l-ġara tagħha – Magri, marret tħabbat il-bieb tagħha fis-sagħtejn ta’ filgħodu, fejn din kienet qed tisuspetta li r-raġel ta’ oħtha kien ġewwa. Gauci iżda ma fetħitx il-bieb.

Ġurnata wara Guaci bdiet tirċievi numru ta’ telefonati bi kliem abbużiv minn naħa t’oħt Magri u minn Magri stess. Wara din it-telefonata Wendy Gauci ma marritx lejn l-appartament tagħha għal ġimgħa għax bdiet tibża’ u għamlet rapport bil-Pulizija jgħidulha biex ma tersaqx lejn l-appartament tagħha. Aktar tard kienet marret mal-Pulizija biex tieħu xi affarijiet personali tagħha.

L-għada hija kienet qed issuq f’Ħal-Qormi u rat lill-akkużata barra cafeteria. Magri għajtitilha sabiex tieqaf u hija waqfet. Skont l-allegata vittma, l-imputata daħlet tiġi fil-karozza tagħha, fejn Magri ħarġet mus u aggredita fejn laqtitlha f’idejha, hekk kif hija bdiet tipproteġi sidirha.

Hija mbagħat ippruvat tgħaddi minn fuqha bil-karozza, fejn anke laqtitilha l-karozza. Ħareġ li waqt li l-vittma kienet sejra l-Għassa, Ramona Magri fetħitilha l-bieba tal-karozza u ħaditilha ċ-ċwievet. Meta Magri bdiet tgħajjarha kellha sieq ta’ mejda li nġabar minn x’imkien u li b’dan tkissret il-ħġieġa ta’ wara tal-karozza.

Il-Qorti qalet li x-xhieda ta’ Gauci kienet aktar kredibbli minn dik ta’ Magri, u li dan kien ikkorborat minn filmati tas-CCTV, li juri li Magri ġriet lejn il-karozza ta’ Gauci, fil-mument li lemħitha. Il-Qorti nnutat ukoll li l-ġerħa bl-arma kkawżat debulizza permanenti f’idejn il-vittma, fejn ħallilha subgħajha mgħawweġ.

Il-Qorti meta ġiet biex tagħti s-sentenza kkunsidrat ukoll il-kondotta nadifa ta’ Ramona Magri, u għalhekk sentenza ta’ ħabs ma kinitx waħda idonea, anke jekk ingħatat fil-massimu tagħha.

Minbarra s-sentenza sospiża l-Qorti ordnat ordni ta’ protezzjoni għall-perjodu ta’ sentejn fil-konfront ta’ Gauci. Il-ħatja kienet ordnata tħallas ukoll is-somma ta’ €2,209 konsistenti fi spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għal Magri.