Stuart Bingham sar l-ixjaħ rebbieħ tal-Masters wara li fil-finali eċċitanti għeleb lil Ali Carter 10-8. Bingham li għandu 43 sena, rebaħ it-tieni titlu li jagħmel parti mit-Triple Crown wara li fl-2015 kien rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja. Bingham hu ħames xhur akbar minn Ray Reardon, li kien rebaħ l-unur fl-1976 fl-età ta’ 43 sena u tliet xhur.
Carter dawwar żvantaġġ ta’ 5-3 f’vantaġġ ta’ 7-5 iżda n-numru 14 tad-dinja wera karattru biex irkupra. Hu assigura mir-rebħa bi break ta’ 109 li inċidentalment kien l-ewwel ċentinarju fit-tournament. Permezz ta’ din ir-rebħa, hu rebaħ 250,000 sterlina.
Fl-ewwel kummenti wara l-finali, Bingham qal li kien beda jaħseb x’se jgħid wara t-telfa u kompla li ma jafx kif dawwar il-logħba. Hu żied li l-fatt li ħa pjaċir fil-ġimgħa ta’ logħob, kien fattur importanti biex kellu prestazzjonijiet tajbin.
Dan kien is-seba’ suċċess ta’ Bingham f’tournaments maġġuri u l-għan tiegħu hu li jasal għal għaxra. Fosthom tispikka t-tama tal-Ingliż li jirbaħ il-Kampjonat tar-Renju Unit għall-ewwel darba.
//= $special ?>