Minflok għamel diskors dwar viżjoni politika, il-Prim Ministru ħabbar biss li l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana irriżenjat.
Fl-ewwel intervent tiegħu fil-parlament il-Prim Ministru Robert Abela qal biss, f’minuta, li kien irċieva r-riżenja tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wieġeb li l-poplu Malti llum kien qed jistenna diskors mill-Prim Ministru Robert Abela iżda dan ma sarx.
Il-Prim Ministru qal biss li kien irċieva ittra mingħand Justyne Caruana li rriżenjat minn Ministru għal Għawdex; liema minn riżenja li kienet aċċettata minnu. Hu rringrazzjaha għall-ħidma li wettqet.
Din ir-riżenja seħħet wara li kien rapportat li l-ex uffiċjal tal-pulizija Silvio Valletta, li hu r-raġel ta’ Justyne Caruana, meta kien uffiċjal tal-pulizija, kien siefer ma’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-ftehim kien li l-Prim Ministru kellu jagħmel intervent u wara jwieġeb il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hu ta’ dispjaċir li l-ewwel aħbar tal-Prim Ministru kienet dik ta’ riżenja u jifhem li l-Prim Ministru se jinforma lill-parlament dwar jekk hu kienx jaf ukoll dwar il-vjaġġ li r-raġel ta’ Justyne Caruana għamel ma’ Yorgen Fenech u kemm ilhom jafu dwarha.
Hu qal li jidher li ftit hemm viżibibltà politika mill-Gvern għaliex l-Oppożizzjoni dalgħodu stenniet li l-Prim Mnistru jispeċifa l-pjan tal-Gvern f’din il-leġiżlautra. Il-poplu Malti jinsab fid-dlam, sostna Adrian Delia.
Id-deputat Laburista Chris Cardona talab ruling fil-konfront ta’ diskors li sar mid-deputat Jason Azzopardi fil-5 ta’ Diċembru 2019 li sar barra l-parlament. Hu qal li Jason Azzopardi kien sostna li f’Ottubru 2018 Joseph Muscat kien ħdejn il-giddieb u korrott Chris Cardona.
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma kien se jirtira xejn u sfida lil Chris Cardona buex jagħmillu libel.