Tħabbret il-mewt tal-eks plejer ta’ Valletta u tat-tim nazzjonali Malti Josie Urpani fl-età ta’ 83 sena. Imwieled f’San Ġiljan fit-12 ta’ Ottubru tal-1936, hu ngħaqad ma’ Valletta fl-istaġun 1953/54 wara li kien beda mal-minors ta’ Mosta.
Urpani għamel id-debutt ma’ Valletta fit-28 ta’ Novembru tal-1954 u baqa’ regolari sakemm irtira fl-istaġun 1967/68 li fih skorja ħames gowls. Ma’ Valletta, lagħab total ta’ 194 logħba u magħhom rebaħ il-kampjonat tliet darbiet fl-istaġuni 1958/59, 1959/60 u 1962/63.
Hu rebaħ ukoll darbtejn l-FA Trophy fl-istaġuni 1959/60 u 1963/64, tliet darbiet il-Cassar Cup (1958/59, 1965/66 u 1967/68), darbtejn ix-Scicluna Cup (1960/61 u 1963/64) u tliet darbiet ix-Schembri Shield (1959/60, 1963/64 u 1966/67).
Mat-tim nazzjonali, Josie Urpani lagħab seba’ logħbiet u skorja gowl kontra d-Danimarka fit-8 ta’ Diċembru fl-1962. Huma għamel id-debutt fil-25 ta’ Jannar tal-1958 kontra s-selezzjoni tad-Danimarka. Flimkien ma’ Jackie Grech, Urpani kien sar it-tieni plejer ta’ Valletta li libes il-flokk tat-tim nazzjonali wara Joe Cilia.
//= $special ?>