Futbol Sport

Valletta jirritornaw għar-rebħ u jitilgħu waħedhom fit-tielet post

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Stewart Said

VALLETTA………….. 2

SLIEMA W…………… 1

Valletta: Y. Cini, E. Pena Beltre, R. Camilleri, J. Caruana (N. Pulis 62’), J. Borg, R. Muscat, T. Caruana, M. Alba (B. Kaljevic 62’), S. Dimech, M. Piciollo (S. Malano 88’), M. Fontanella

Sliema: E. Elezaj, A. Stelitano, J. Pearson (P. Xuereb 82’), G. Adamovic, A. Oyama, K. Shaw, M. Scerri, E. Agius, J. Cisotti, C. Zappa (A. Satariano 55’), F. Vasilchik

Imwissija: E. Agius 16’ (S), J. Borg 88’ (V)

Skorjaw: R. Muscat 61’, M. Fontanella 85’ (V), F. Vasilchik 88’ pen (S)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Roberto Vella, Mark Ciantar

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Shaun Dimech (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Enmy Pena Beltre (Valletta)

Attendenza: 642

Valletta rritornaw għar-rebħ wara d-draw kontra Santa Lucia u kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun fuq Sliema Wanderers. B’hekk telgħu waħedhom fit-tielet post u ħames punti taħt il-leaders Floriana qabel id-dwell mistenni ta’ bejniethom. Il-prestazzjoni ta’ Valletta ma kinitx l-aqwa waħda, għalkemm fit-tieni taqsima urew titjib. Huma ma bdewx ikunu diretti biżżejjed, b’Sliema kienu organizzati sew fid-difiża, b’konsegwenza li ma kinux produttivi fl-attakk.

Valletta kienu mingħajr il-gowlkiper Henry Bonello, Joseph Zerafa u s-sospiż Steve Borg. Sliema fuq in-naħa l-oħra kienu mingħajr is-sospiż John Mintoff u Jean Paul Farrugia. Qabel il-partita, id-difensur Jean Borg ġie ppreżentat bil-flokk numru 100, simbolu tan-numru tal-logħbiet li lagħab ma’ Valletta. Ukoll, inżammet minuta silenzju b’rispett tal-eks plejer ta’ Valletta Josie Urpani li miet illum.

Għalkemm Valletta kellhom l-inizjattiva fl-ewwel minuti, kienu Sliema li ħolqu l-ewwel tentattiv fit-12-il minuta, b’xutt ta’ Juri Cisotti li għadda ftit barra wara ballun fit-tul ta’ Arthur Oyama. Il-Beltin kellhom il-pussess iżda ma bediex jissarraf f’azzjonijiet u kien fl-40 minuta li marru viċin meta Enmy Pena Beltre tefa’ kross fil-baxx lura fid-direzzjoni ta’ Shaun Dimech, li prova b’xutt b’saħħtu dirett lejn il-lasta li kien imxellef għal korner.

Fit-tieni taqsima, Valletta baqgħu fil-kontroll tal-logħba iżda bdew ikunu ftit aktar diretti lejn il-lasta. L-ewwel li prova kien Mario Fontanella fil-50 minuta b’daqqa ta’ ras li iżda kienet bla saħħa u salvata faċilment. Erba’ minuti wara, Shaun Dimech irċieva mingħand Matteo Piciollo u prova b’xutt insidjuż minn barra l-kaxxa li kien imdawwar f’korner minn Entonio Elezaj.

Valletta fetħu l-iskor fil-61 minuta b’passaġġ ta’ Miguel Alba lejn ROWEN MUSCAT li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għadda l-ballun minn taħt idejn Elezaj. Fl-64 minuta, is-sostitut Bojan Kaljevic prova b’xutt djagonali li għadda ftit barra u tliet minuti wara, wasal l-ewwel xutt fil-lasta b’xutt fil-baxx li iżda kien ċentrali. Il-Beltin irduppjaw fil-85 minuta meta Arthur Oyama ta daqqa ta’ ras qasira lura, b’MARIO FONTANELLA jieħu vantaġġ u qabbeż fuq Elezaj li nqabad barra minn postu.

Sliema daħlu fil-logħba fit-88 minuta wara li ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Jean Borg fuq Juri Cisotti. Mill-11-il metru nkariga ruħu FEDERICO VASILCHIK li bagħat lil Yenz Cini n-naħa l-oħra tal-ballun. Valletta setgħu għalqu l-logħba fil-91 minuta b’azzjoni personali mill-isbaħ ta’ Shaun Dimech li qabeż diversi avversarji iżda x-xutt finali kien salvat tajjeb minn Elezaj. Ftit sekondi wara, xutt djagonali ta’ Cisotti għadda barra, b’Valletta jikkontrollaw l-aħħar sekondi għal rebħa importanti.