Yorgen Fenech ġibed filmati ta’ Silvio Valletta “jitbellaħ” f’Rolls-Royce

Ikomplu joħorġu iktar dettalji dwar ir-rabta bejn Yorgen Fenech u l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Jidher li waqt il-kors tal-investigazzjoni, esperti mill-Europol sabu filmat fit-telefon ċellulari ta’ Yorgen Fenech li fih Silvio Valletta jidher “jitbellaħ” f’vettura Rolls-Royce propjeta’ tal-istess Fenech.

Mhux magħrufa r-raġuni għaliex Yorgen Fenech ġibed dan il-filmat. Silvio Valletta kien l-investigatur ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sakemm kien tneħħa b’ordni tal-Qorti wara li nfetħet kawża mill-familja ta’ Caruana Galizia.

Ir-raġel tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kien ukoll siefer ma’ Yorgen Fenech f’Settembru tal-2018 biex jara logħba fil-Premier League Ingliż, meta l-Pulizija diġa’ kienet xeħtet ħarsitha fuq Fenech bħala suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista.

Silvio Valletta ilbieraħ intlemaħ fid-Depot tal-Pulizija fejn ta stqarrija wara li din is-safra ħarġet fil-pubbliku.