Matul il-lejl — u għat-tielet darba biss fl-istorja tal-Istati Uniti — għandu jibda l-proċess għall-impeachment tal-President Amerikan Donald Trump li qed ikun akkużat dwar abbuż ta’ poter kif ukoll dwar tfixkil tal-ħidma tal-Kungress. L-uniċi żewġ Presidenti Amerikani li qatt iffaċċjaw l-impeachment kienu Andrew Johnson, fl-1868 u Bill Clinton fl-1999 – b’dawn it-tnejn, wara, ikomplu għaddejjin bil-mandati tat-tmexxija.
Filwaqt li dan hu process li jrid jieħu fit-tul ħafna jemmnu li l-President Trump ‘kważi bilfors’ se jinstab innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Dan peress li r-Repubblikani tal-partit tiegħu jikkontrollaw is-Senat li għandu l-aħħar kelma dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ Trump.
Intant, u waqt li l-President qed jiċħad l-akkużi, mhux eskluż li l-proċess – li hu wieħed sinifikanti u li teoretikament jista’ jwassal fit-tmiem tal-Presidenza ta’ Trump — kapaċi jirriserva ftit tas-sorpriżi.
L-impeachment hu process li jippermetti biex il-protagonisti fil-Gvern Amerikan iżommu lill-President u membri oħra tal-Kabinett kontabbli f’każ ta’ suspett li huma jkunu wettqu l-abbużi u r-reati huma u jokkupaw il-karigi uffiċjali. Ir-reati jistgħu jinkludu ‘tradiment, tixħim jew tipi oħra ta’ imġiba ħażina’.
Ladarba persuna tkun suġġetta għal impeachment, din trid tibda għaddejja minn proċess fis-Senat, li hu l-Kamra ta’ fuq tal-Kungress ta’ Washington, u fejn il-membri jridu jiddeċiedu jekk din il-persuna (f’dan il-każ il-President) hix ħatja jew le. Il-proċess inkwistjoni, intant, hi waħda politika u mhux kriminali.
F’dan il-każ, il-President Trump qed jiffaċċja żewġ artikli (akkużi) għall-impeachment.
Hu qed ikun akkużat b’li talab għajnuna mingħand il-Gvern tal-Ukrajna bil-għan li jieħu vantaġġ politiku qabel l-elezzjoni ta’ din is-sena għall-Presidenza Amerikana. Qed ikun allegat li Trump żamm lura l-miljuni ta’ dollari f’għajnuna militari lill-Ukrajna, filwaqt li ppreżenta l-opportunità għal laqgħa fil-White House mal-President Ukren bħala ‘parti min-negozjati’ ma’ dan il-pajjiż.
Ix-xhieda qed jgħidu li Trump ried li l-Ukrajna tħabbar pubblikament li kellha ssir investigazzjoni dwar Joe Biden, l-eks Viċi-President Demokratiku tal-Istati Uniti u l-favorit li jiffaċċja lil Trump fit-taqtigħa finali ta’ Novembru għall-White House. Hemm, intant, l-indikazzjonijiet li Biden għandu jegħleb lil Trump fl-elezzjoni jekk kemm-il darba hu jintgħażel, fix-xhur li ġejjin, bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku.
Sadattant – u wara li l-White House irrifjuta li jħalli membri tal-istaff jitilgħu jixhdu fl-ewwel smigħ tal-impeachment tas-sena li għaddiet – id-Demokratiċi akkużaw lil Trump b’li ostakola l-funzjoni tal-Kungress (f’dan il-każ, l-impenn tal-Gvern Amerikan biex jintroduċi l-liġijiet u l-fergħa tal-amministrazzjoni li qed tinvestiga lill-President).
Min-naħa tiegħu, Trump qed jinsisti li ma għamel xejn li jmur kontra r-responsabbiltajiet tiegħu bħala President, bil-konsulenti legali tiegħu jgħidu li ‘dawn l-akkużi mingħajr bażi soda fil-konfront tiegħu jridu jitqiesu bħala manipulazzjoni perikoluża tal-Kostituzzjoni Amerikana’.
Fl-avveniment (mhux mistenni) li Trump jinstab ħati, hu għandu jitwarrab mill-poter, bil-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, jieħu l-ġurament bħala President ġdid tal-Istati Uniti. Intant, maġġoranza sempliċi ta’ senaturi (51) jistgħu, jekk jixtiequ, jivvutaw biex itemmu dan il-proċess.
Issa ladarba l-Kamra tar-Rappreżentanti għaddiet l-artikli għall-impeachment lis-Senat, is-senaturi jridu jibqgħu kuljum għall-proċess (in session) — ħlief għall-ġurnata tal-Ħadd — sakemm jaslu għad-deċiżjoni finali.
Dan ifisser li l-erba’ senaturi Demokratiċi – Bernie Sanders, Elizabeth Warren, Amy Klobuchar u Michael Bennet — li qed jisfidaw għan-nomina tal-Partit tagħhom biex jikkuntestaw għall-White House iridu jitilqu l-kampanji rispettivi sa tmiem il-proċess għall-impeachment potenzjali ta’ Trump, li mistenni jdum għaddej il-ġimgħat.
//= $special ?>