Lokali

Abela ma jridx il-proposta taż-żewġ terzi

Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-ewwel okkażjoni li għandu, jagħżel li ma joħroġx l-id tad-djalogu

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara ma’ Net News li hu kontra l-proposta tal-PN dwar il-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid.

Kien ilbieraħ wara nofisinhar meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat abbozz ta’ liġi lill-iskrivan tal-Kamra li permezz tiegħu qed jiġi propost tibdil fil-liġi u l-kostituzzzjoni dwar il-mod kif għandu jibda jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq għal diversi xhur illi wasal iż-żmien illi l-ħatra u t-tneħħija ta’ Kummissarju tal-Pulizija għandhom jibdew isiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ  terzi tal-Kamra tad-Deputati.

Minn naħa tiegħu Robert Abela qed jgħid li bħala Gvern iridu li tiddaħħal sistema li “toffri trasparenza”.

Skont dak li hemm miktub fir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, huwa lest li jżomm il-veto u jiddeciedi hu bħala Prim Ministru. Prova ċara li Abela mhux lest li joħroġ l-id tad-djalogu mal-Oppozizzjoni. Konferma oħra ta’ dak li qal il-Ħadd li għadda fl-ewwel diskors tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.