Lokali

Anton Refalo lura fil-Kabinett

Anton Refalo inħatar Ministru ġdid responsabbli mill-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali. Clint Camilleri ħa l-kontroll tal-Ministeru għal Għawdex.

Huma dawn it-tibdiliet li ġew konfermati fl-aħħar sigħat, wara r-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana, jiem biss minn mindu kienet ħadet l-ġurament tal-ħatra.

Caruana kellha tħalli l-kariga hekk kif sar magħruf li r-raġel tagħha, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, kellu relazzjoni mill-qrib ma’ Yorgen Fenech minkejja li dan tal-aħħar kien qed jiġi investigat. Bl-eks Ministru tghid li hi se taghmel minn kollox biex tiddefendi isimha, u lit-tfal taghha…filwaqt illi kkonfermat li anke ghall-elezzjoni generali li jmiss se terga’ tikkontesta.

U fl-isfond ta’ iktar stejjer ta’ safar regolari li kellu r-ragel ta’ Justyne Caruana ma’ Yorgen Fenech, il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ jagħżel li ma jweġibx.

Issa bdiet esperjenza ġdida fil-Kabinett ghal Anton Refalo. Izda huwa fatt li Refalo xtaq il-Ministeru ghal Ghawdex, fejn l-ewwel inqabeż minn Justyne Caruana, u issa minn Clint Camilleri.

Fost l-ewwel prioritajiet tiegħu, il-Ministru Refalo ddikjara li, fost oħrajn, irid jipproteġi lill-bdiewa. Ironikament, fl-istess waqt li jiftaħar li bena f’żona ODZ.

Anton Refalo ilu għall-aħħar snin fiċ-ċentru tal-kontroversja wara applikazzjoni għal lukanda ta’ seba’ kmamar fil-Qala. Biex ma jidhirx hu, Anton Refalo applika f’isem martu.

L-iżvilupp kien sab l-oġġezzjoni tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, li kienet iddikjarat li ma taqbilx maż-żona rurali tal-madwar.

Kien hemm ukoll oġġezzjoni minn Din l-Art Ħelwa u numru ta’ individwi, waqt li s-Supretendent għall-Wirt Kulturali lmenta li kien hemm nuqqas ta’ provi dwar is-sit.Matul is-snin fuq dan is-sit, li minn razzett żgħir issa spiċċa lukanda, saru numru ta’ rregolaritajiet oħra li eventwalment ġew sanzjoanti.